Internazzjonali

Il-Ġappun: Jonqos il-periklu ta’ ‘mega-terremot’ imminenti

L-awtoritajiet fil-Ġappun, fl-aħħar sigħat, irtiraw it-twissija dwar ‘mega-terremot’ potenzjali bil-konsegwenzi tat-tsunami …Għaldaqstant – ġimgħa wara li ħarġet it-twissija – ir-residenti mgħadhomx kostretti li jieħdu l-prekawzjonijiet speċjali, bil-Gvern jikkonferma li huma jistgħu jkomplu bil-ħajja normali.

Sadanittant, l-allert ġenerali għadu ma naqasx, bl-esperti jikkonkludu li l-probabbiltà ta’ terremot qawwi hi akbar mis-soltu, għalkemm mhix imminenti.

Iżda t-twissija – valida għal ġimgħa—kienet ħarbtet il-ħajja għal eluf ta’ Ġappuniżi li ħafna minnhom kellhom jipposponu l-pjani għas-safar. Is-servizzi tal-ferroviji wkoll kienu affettwati, bil-familji jispiċċaw jaħżnu l-affarijiet essenzjali għall-possibbiltà ta’ emerġenza.

L-Aġenzija Meteoroloġika tal-Ġappun, madankollu, qalet li ma rat l-ebda attività siżmika partikulari li setgħet turi l-bidliet allarmanti fiz-zona indikata bħala l-epiċentru potenzjali ta’ ‘mega-terremot’.

It-twissija tal-ġimgħa l-oħra ngħatat sigħat wara li terremot, li kien jimmarka 7.1 fuq l-Iskala Richter, laqat il-madwar tal-gżira ta’ Kyushu. L-iżvilupp qanqal biża’ partikulari għaliex l-epiċentru tat-terremot inzerta f’zona ta’ attività siżmika kontinwa viċin l-artijiet tal-kosta tal-Ġappun mal-Oċean Paċifiku.