Internazzjonali

Imfakkar is-sehem tal-qawwiet Afrikani fil-liberazzjoni ta’ Franza waqt it-Tieni Gwerra

Il-President Franċiż, Emmanuel Macron  u diversi Kapijiet oħra tal-Istat fakkru t-80 anniversarju ta’ meta l-qawwiet Alleati invadew in-nofsinar ta’ Franza biex jeħilsu lill-poplu mill-okkupazzjoni tal-Armati Nażisti tad-dittatur Adolf Hitler.

L-inizjattiva militari – fost l-aktar kapitli sinifikanti tat-Tieni Gwerra Dinjija — rat lil madwar 100,000 suldati  Alleati (Amerikani, Britanniċi u Kanadiżi) fl-avangwardja tal-invażjoni fil-bajjiet ta’ Provence u zoni oħrajn tar-Riviera Franċiża fil-15 ta’ Awwissu tal-1944.

Dawn il-qawwiet kienu segwiti, dakinar, minn xi 250,000 suldat reklutati fil-parti kbira mill-kolonji tal-Franċiżi fl-Afrika ta’ Fuq u fir-reġjun Afrikan ta’ taħt is-Sahara.

Madankollu, kellhom jgħaddu l-għexieren tas-snin biex ir-rwol ferm importanti ta’ dawn it-truppi Afrikani fil-‘landings’ tal-1944  jingħataw ir-rikonoxximent li jixirqilhom waqt l-avvenimenti li, kull sena, jikkommemoraw din l-invażjoni storika.

L-invażjoni tal-bajjiet fi  Provence kienet kruċjali ferm għal-liberazzjoni ta’ Franza minn taħt in-Nażisti minbarra li permettiet biex il-qawwiet Alleati jieħdu kontroll assolut fl-artijiet Franċiżi tan-Nofsinar.

Fil-fatt, dan il-jum, fl-1944, se jibqa’ magħruf bħala ‘il-jum minsi ta’ D-Day’ –  bl-azzjonijiet iseħħu ftit wara l-offensiva kbira tal-Alleati fi Franza, fis-6 ta’ Ġunju tal-istess sena.

L-azzjoni fil-bajjiet ta’ Provence kienet imlaqqma Operation Dragoon u s-suldati li ħadu sehem fiha permettew fost oħrajn biex l-Alleati jaħtfu l-kontroll tal-portijiet ta’ Marsilja u Toulon….Sitwazzjoni li fetħet front tal-gwerra ġdid fost il-pressjoni kbira fuq il-qawwiet Nażisti li kienu qed jiddefendu l-artijiet Franċiżi okkupati minnhom,

Meta tkellem waqt ċerimonja fiċ-Ċimiterju Nazzjonali ta’ Boulouris, fil-belt ta’ Saint-Raphael, il-President  Macron radd ġieh lis-suldati Afrikani għar-rwol kruċjali tagħhom waqt l-azzjonijiet militari fin-Normandija….Dan wara li ħafna mill-Afrikani nkwistjoni kienu spiċċaw reklutati bħala suldati bl-użu tal-forza.

Is-suldati – li ħafna minnhom taw ħajjithom għal-libertà fil-15 ta’ Awwissu tal-1944 – kienu ġejjin minn pajjiżi bħall-Kamerun, ir-Repubblika Afrikana Ċentrali, il-Gabon, it-Togo, il-Marokk u n-Niġer.

Intant, is-sitt Kapijiet tal-Istat Afrikani preżenti għall-kommemorazzjoni f’Saint-Raphael kienu jinkludu lill-Mexxej tal-Kamerun, Paul Biya u  Faustin-Archange Touadera tar-Repubblika Ċentrali Afrikana.

Fid-diskors li għamel għall-okkażjoni, il-President Biya qal li ma setax jara sitwazzjoni fejn l-Alleati kienu se jirbħu l-battalji deċiżivi fi Franza li kieku ma kienx għall-kontribut ferm siewi tal-qawwiet Afrikani.

Sadanittant, kellhom jitħassru ħafna avvenimenti u ċerimonji tal-anniversarju minħabba t-twissijiet dwar maltemp qawwi fl-ibnadi Franċiżi tan-Nofsinar.

L-avvenimenti li tħassru kienu jinkludu re-enactment tal-inżul tal-qawwiet f’Toulon  u programmi oħra ta’ tifrika – bl-awtoritajiet jirreferu għall-kundizzjonijiet tat-temp ‘xejn favorevoli’, fost il-pronostiku ta’ ħalbiet kbar tax-xita u rwiefen qawwija.