Internazzjonali

Ir-Russja: Il-paniku u l-kaos jiżdied fost ir-Russi…bil-qawwiet Ukreni jkomplu javvanzaw

L-invażjoni tat-territorji tar-Russja mill-qawwiet Ukreni kompliet tiġġenera l-kaos u konfużjoni fost it-Tmexxija u militar Russu…Dan meta l-awtoritajiet Russi qed jippruvaw jikkontrollaw sitwazzjoni li qatt ma basru li kienet possibbli mindu s-suldati tal-Kremlin daħlu fl-Ukrajna fi Frar tal-2022.

Intant, l-inkursjoni fl-artijiet tar-Russja qed tkompli tgħolli l-moral tal-Ukreni u meta s-suldati tal-President Volodymyr Zelensky qegħdin javvanzaw dejjem aktar ‘il ġewwa fir-Russja…Avvanzi li, skont is-sorsi infurmati, ftit qed isibu reżistenza u minkejja li l-kelliema tal-Kremlin f’Moska insistew li l-Armati tagħhom kienu qed jitfgħu lura lill-qawwiet tal-għadu.

L-offensiva tal-Ukreni fir-Russja issa għalqet għaxart ijiem u mhemmx dubju li rnexxiet it-tattika tagħhom biex jissorpendu lir-Russi li żgur ma kenux qed jistennew attakk fuq dan il-livell. Iżda l-aktar element sorprendenti hu l-fatt li l-Ukreni kienu se jaħtfu u jokkupaw daqstant territorju fir-Russja fi żmien relattivament qasir.

Fl-aħħar jiem, ir-reġjun ta’ Kursk inbidel f’xenarju ta’ azzjonijiet militari intensivi. Dan waqt li l-Ministeru Russu għas-Sitwazzjonijiet ta’ Emerġenza dikjara stat ta’ emerġenza fir-reġjun u waqt li r-residenti ta’ Lgov, viċin ta’ Kursk, abbandunaw djarhom biex ma jispiċċawx huma wkoll fl-eqqel tal-gwerra.

Is-sens ta’ kaos u paniku, intant, qed jinħass bil-kbir anki jekk l-awtoritajiet Russi mhumiex ħerqana li jammettu dwar in-neċessità tal- evakwazzjonijiet sfurzati. Dan meta ammissjoni formali kapaċi turi li l-militar tal-Kremlin mhux kapaċi jiddefendi artu kontra l-invażjoni.

Fil-fatt, is-sitwazzjoni għar-Russi kompliet tiggrava fl-aħħar sigħat, fost il-konferma ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza anki għar-reġjun ta’ Belgorod, li jmiss ma’ Kursk, kif ukoll mal-fruntiera tal-Ukrajna.

Suċċess militari kbir għall-Ukreni

L-istatus ta’ emerġenza federali hu ħafna aktar serju minn emerġenza fuq livell reġjonali u li fih innifsu jindika s-suċċess kbir tal-kampanja militari tal-Ukreni.

Fl-istess ħin, is-sorsi fir-Russja qed jindikaw ukoll li  l-awtoritajiet Russi – kuntrarju għal dak li qed jingħad f’Moska — qegħdin jevakwaw il-popolazzjoni ċivili mill-ibliet viċin il-fruntiera lejn iz-zoni eqreb iċ-ċentru tal-pajjiż.

F’dan il-każ, jidher li ‘il fuq minn 60,000 ċivili ħarġu miz-zoni tar-Russja li qed javvanzaw fuqhom is-suldati Ukrenibl-awtoritjiet f’Kursk anki jwaqqfu ċentru speċjali għal dawn ir-refuġjati.

Min-naħa tagħhom, l-Ukreni qegħdin jaħsbu biex iwaqqfu r-rotot umanitarji li jiffaċilitaw l-eżodu taċ-ċivili Russi miz-zoni li mistennija jaqgħu f’idejn il-militar ta’ Zelensky minn ħin għall-ieħor.