Knisja Lokali

Minjatura tal-Bażilika tal-Mosta fid-dar tiegħu stess

Minn dejjem kellu għal qalbu l-knisja u l-fidi Kattolika, u minn dejjem kien affaxxinat bl-arkitettura reliġjuża, tant, li ddeċieda jagħmel minjatura ta’ knisja fid-dar tiegħu stess.

Joe Chetcuti hu bniedem li ddeċieda li jgħaqqad il-fidi tiegħu mad-delizzju li għandu. U b’dan ħoloq replika tal-Bażilika ta’ Santa Marija tal-Mosta – ir-raħal li fih għex u trabba.

Chetcuti spjega ma’ NET News li hu ilu dawn l-aħħar 8 snin jaħdem fuq din il-minjatura, bl-għajnuna ta’ diversi dilettanti bħalu li għenuh bi ħġarhom.

Hu sostna li delizzju bħal dan ma jieqaf qatt, u hu dejjem jaħseb kif se jespandi l-proġett tiegħu – tant li matul is-sena li għaddiet għamel estensjoni sabiex ikun jista’ jarma l-istatwa ta’ Santa Marija, kif ukoll żied kampnar mal-minjatura tiegħu.

Joe Chetcuti sostna li dan id-delizzju hu kollu grazzi għal familja tiegħu u t-trobbija reliġjuża li tawh; li fi kliemu għamluh il-bniedem li hu llum.

Apparti fil-Mosta, il-festa tal-Assunta tiġi ċċelebrata fl-Mqabba, il-Qrendi, il-Gudja, Ħal Għaxaq, Ħ’Attard, u r-Rabat Għawdex. Min naħa l-oħra fl-Imġarr u Ħad-Dingli, l-festa ta’ Santa Marija tiġi ċċelebrata fit-18 ta’ Awwissu li ġej.