Lokali

“Mument ieħor ta’ dgħjufija minn Robert Abela quddiem Rosianne Cutajar”

Meqjus bħala mument ieħor ta’ dgħjufija minn Robert Abela meta li kontra x-xewqa tiegħu kellu jbaxxi rasu u jħalli lil Rosianne Cutajar tingħaqad lura mal-Grupp Parlamentari Laburista, minkejja li naqset milli tagħmel apoloġija għan-nuqqasijiet tagħha – partikolarment b’rabta mal-iskandlu tal-job fantażma fl-ITS.

Dan qalu l-Editorjal ta’ The Malta Independent meta kien qed janalizza l-aħħar żviluppi b’rabta mal-iskandlu ta’ Rosianne Cutajar – job fantażma illi kien inkixef wara li ġew ippublikati mijiet ta’ messaġġi li bagħtet lil Yorgen Fenech; il-persuna implikata fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Il-Prim Ministru minn naħa tiegħu mhux darba jew tnejn kien enfasizza li Rosianne Cutajar mhux se terġa’ tingħaqqad mal-Grupp Parlamentari Laburista qabel titlob skuża għal dak li għamlet. Iżda issa, Abela kellu jċedi għall-pressjoni li saritlu mill-qalba tal-Labour – partikolarment il-klikka tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat.

Bl-editur tal-Independent jgħid li dan il-każ wera biċ-ċar li minnhom it-tnejn, kienet Rosianne Cutajar illi uriet kemm għandha poter fil-Labour – iktar minn Abela nnifsu – hekk kif seħħ dak li riedet hi. Xi ħaġa li uriet id-dgħjufija ta’ Robert Abela.