Il-parroċċi ta’ Ħad-Dingli u l-Imġarr għal sena oħra reġgħu organizzaw is-seba’ edizzjoni tal-Pellegrinaġġ tal-Muturi f’jum il-festa ta’ Santa Marija. Dawn iż-żewġ parroċċi huma ddedikati għal Santa Marija, iżda jiċċelebraw il-festa titulari Ħadd wara l-15 t’Awwissu.
Minħabba li l-festa tagħhom ma tiġix iċċelebrata f’Jum Santa Marija, huma bdew tradizzjoni li f’dan il-jum xorta jagħmlu xi ħaġa speċjali… ħaġa li huma sejħu bħala manifestazzjoni ta’ solidarjetà.
Matul il-pellegrinaġġ, li jiġi organizzat bejn iż-żewġ parroċċi, jinġabru l-fondi għal xi għaqda mhux governattiva, b’din is-sena għażlu lil Puttinu Cares. B’hekk il-flus kollha li nġabru se jmorru għand din l-għaqda.
Il-pellegrinaġġ beda minn quddiem il-Knisja tal-Imġarr fl-10 am, bis-sehem ta’ għexieren ta’ sewwieqa ta’ muturi li segwew rotta li għaddiet minn diversi lokalitajiet. Huma waslu fil-pjazza ta’ Ħad-Dingli ftit qabel il-11am. Tul it-triq huma segwew vann li kellu x-xbiegħat tal-vari titulari taż-żewġ parroċċi.
Is-somma finali miġbura mis-sewwieqa preżenti kienet ta’ €1,000.
Qabel it-tluq tal-pellegrinaġġ, Angele Cuschieri u Rennie Zerafa minn Puttinu Cares irringrazzjaw lill-parteċipanti u fissru l-bżonn tal-fondi miġbura sabiex Puttinu Cares jibqa’ jkun ta’ sostenn għall-pazjenti Maltin li jirċievu kura barra minn Malta, kif ukoll għall-qraba tagħhom.
Ħdejn il-Knisja ta’ Ħad-Dingli, l-Arċipriet ta’ Ħad-Dingli, il-Kanonku David Farrugia, mexxa talba u bierek lis-sewwieqa tal-muturi. Is-sewwieqa ngħataw ċertifikat ta’ parteċipazzjoni u tifkira tal-okkażjoni.
Net News tkellem mal-Kanonku David Farrugia li spjegalna iżjed dwar din l-attività.
Tkellimna wkoll ma’ wieħed mill-organizzaturi, John Micallef li wkoll spjegalna l-importanza ta’ dan l-avveniment.
Din l-inizjattiva mhix l-unika ġest ta’ solidarjetà li saru miż-żewġ parroċċi f’dan iż-żmien ta’ festa hekk kif il-parroċċi kkollaboraw maċ-Ċentru Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm biex il-Mobile Blood Donation Unit kien f’dawn il-lokalitajiet.
//= $special ?>