Żewġ gowls fit-tieni taqsima kienu biżżejjed fl-istadium nazzjonali ta’ Varsavja biex Real Madrid għas-sitt darba fl-istorja rebħu l-UEFA Super Cup. L-ewwel attentat ta’ Mbappe fil-finali tal-UEFA Super Cup kien fil-15-il minuta minn azzjoni ta’ Valverde iżda x-xutt tiegħu ġie bblukkat mid-difensur ta’ Atalanta, Isak Hien.
B’Atalanta aktar fil-partita setgħu fetħu l-iskor meta d-difensur ta’ Real, Militao kien għoddu kkommetta auto-goal iżda lejn tmiem l-ewwel taqsima Real Madrid resqu viċin permezz ta’ Rodrygo li laqat il-lasti b’xutt b’saħħtu.
Real Madrid fetħu l-iskor permezz tal-Urugwajan Federico Valverde fit-58 minuta wara azzjoni tajba ta’ Vinicius Junior. Real baqgħu fuq l-offensiva u rduppjaw permezz ta’ Kylian Mbappe, li fit-68 minuta sab ix-xibka minn azzjoni ta’ Jude Bellingham.
Real saru l-ewwel tim fl-istorja li rebħu l-UEFA Super Cup sitt darbiet ħamsa minnhom taħt Carlo Ancelotti, u b’hekk darba iktar minn Barcelona u Milan.
Ir-referee tal-partita kien Sandro Schaerer tal-Iżvizzera .
//= $special ?>