Il-Gvern ghandu jgħin lill-industrija lokali minflok iberbaq il-flejjes għal tal-qalba
Il-Partit Nazzjonalista jinsab imħasseb serjament dwar in-nuqqas ta’ trasparenza li qed juri l-Gvern u l-Kummissjoni tal-Films b’rabta mal-film kontroversjali “Once Upon a Time in Malta”.
Minkejja talba taħt il-Liġi tal-Libertà tal-Informazzjoni (FOI) mill-ġurnal Times of Malta, il-Kummissjoni tal-Films irrifjutat li twieġeb dwar dan il-film, li jinkludi lil Johann Grech, il-Kummissarju tal-Films.
Dan il-film ta’ 10 minuti, li fuqu l-Gvern ta’ Robert Abela neffaq lill-poplu Malti mill-inqas €500,000, sempliċiment biex il-Kummissarju tal-Films jidher taparsi film star, qatt ma ġie rilaxxat pubblikament u nħareġ biss lill-mistednin speċjali waqt iċ-ċerimonja tal-għeluq tal-Mediterrane Film Festival f’Ġunju li għadda.
Hu inkwetanti li l-ispiża sħiħa tal-film għadha ma ġietx żvelata u hemm bżonn urġenti li l-Gvern ikun trasparenti dwar l-użu ta’ flus il-poplu. Hu evidenti li din l-ispiża ma tistax tiġi ġġustifikata, speċjalment meta hemm nuqqas kbir ta’ fondi biex jiġu appoġġjati l-artisti lokali.
Il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-Gvern għandu juża’ r-riżorsi finanzjarji b’mod aktar responsabbli u bi trasparenza sħiħa. L-investiment fl-arti lokali għandu jkun prijorità biex jintlaħqu riżultati konkreti u reali għas-settur kulturali Malti u mhux bi spejjeż kbar u bla kontabbiltà bħalma rajna f’dan il-każ tal-film.
Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista qed jappella lill-Gvern biex l-ewwel u qabel kollox ikun trasparenti u responsabbli fl-infieq tiegħu u biex jagħti prijorità lill-artisti Maltin billi jipprovdi aktar fondi biex jgħinhom jimirħu fil-kreattività tagħhom minflok ma jonfoq miljuni fi proġetti dubjużi. Hu kruċjali li jkollna tmexxija li taġixxi fl-aħjar interess tal-poplu u li żżomm kontabbiltà stretta fuq kif il-flus pubbliċi qed jiġu utilizzati.
Dan intqal fi stqarrija mix-Shadow Minister għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Kultura Julie Zahra.
//= $special ?>