Il-Kummissarju tal-Films Johann Grech irrifjuta li jippubblika l-filmat ta’ għaxar minuti li sewa lill-poplu Malti u Għawdxi madwar nofs miljun ewro.
Dan ġie żvelat mill-ġurnal Times of Malta wara li f’Lulju li għadda l-istess ġurnal għamel talba skont il-liġi tal-libertà tal-informazzjoni sabiex Johann Grech jippubblika l-filmat ta’ 10 minuti li deher biss waqt il-Mediterrane Film Festival ta’ din is-sena.
Il-Kummissarju tal-Films ċaħad dinit-talba li saret mit-Times, u qal li l-materjal li qed jitolbu huwa pubbliku jew inkella se jkun pubbliku sa tliet xhur oħra. Fi kliem sempliċi – irid li l-media tibqa’ tistenna sakemm hu jiddeċiedi li joħroġ dan il-filmat, li ħa sehem fih hu stess bħala attur.
Fil-fatt, f’dan il-film ta’ għaxar minuti bl-isem ta’ Once Upon a Time in Malta jieħu sehem fih Johann Grech flimkien mal-attur David Walliams – film li jmur lura għall-perjodu ta’ żmien il-Kavallieri f’Malta.
Sorsi qalu li għal dan il-film ġew impjegati mal-130 persuna; bid-direzzjoni kienet f’idejn James Nunn.
Infatti, numru ta’ artisti lokali ħarġu jikkritikaw lil Grech għall-fatt li ma kienx hemm Maltin involuti f’din il-produzzjoni li swiet lil pajjiżna tal-anqas nofs miljun ewro.
Iżda s’issa għadu mhux magħruf kemm sewa eżatt dan il-film; iżda skont Grech in-nefqa se tkun inkluża fir-rapport ekonomiku tal-Mediterrane Film Festival u li se jkun ippubblikat fiż-żmien li ġej.
Walliams minn naħa tiegħu mhux l-ewwel darba li ġie f’pajjiżna hekk kif fl-2022 kien tħallas €120,000 mit-taxxi tal-poplu sabiex sempliċiment ippreżenta s-serata tal-Malta Film Awards – somma li ġiet żvelata wara li l-Qorti ordnat li jsir dan. Għaliex anke dakinhar, il-Ministeru ta’ Clayton Bartolo baqa’ sal-aħħar jirreżisti.

