Internazzjonali Lokali

L-ewwel każ tal-varjant il-ġdid tal-Monkeypox fl-Ewropa; l-ebda każi f’Malta

Propju jumejn wara li l-organizzazzjoni dinjija tas-saħħa iddikjarat il-monkeypox emerġenza tas-saħħa globali, l-Isvezja rrappurtat l-ewwel każ ta’ monkeypox mill-varjant il-ġdid.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret l-Erbgħa intqal li fi 13-il pajjiż fil-kontinent Afrikan kien hemm żieda sostanzjali tal-monkeypox fosthom f’pajjiżi li qatt ma rreġistraw każijiet – fosthom f’Burundi, Kenya, Rwanda u l-Uganda.

Il-monkeypox hija marda li fil-passat infirxet minħabba numru kbir ta’ każijiet fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo.

Sorsi qrib l-awtoritjiet tas-saħħa pubblika spjegaw ma’ Net News li bħalissa hawn żewġ tipi ta’ monkeypox; clade 1 u clade 2.

Il-clade 1 huwa l-varjant l-aktar serju, u kien għalhekk li d-WHO iddikjarat emerġenza tas-saħħa globali.

Apparti minn hekk, l-esperti tas-saħħa pubblika illi tkellmu ma’ dan l-istazzjon qalulna li preżentament m’hawnx każijiet ta’ monkeypox f’Malta. U għalhekk is-sitwazzjoni mhijiex waħda allarmanti.

Iżda minn naħa l-oħra l-proċeduri li kienu daħlu fis-seħħ fl-2022 xorta għadhom jitħaddmu.

Il-varjant il-ġdid jinfirex l-aktar sesswalment. Pero xorta waħda jista’ jinfirex jekk wieħed ikun f’kuntatt ma’ persuna li jkollha l-virus.

U allura, l-awtoritajiet appellaw li jekk wieħed ikun mar f’wieħed minn dawn il-pajjiżi varji u jkun ġie f’kuntatt ma xi ħadd għandu jiċċekkja b’mod immedjat. Is-sintomi tal-monkeypox jistgħu joħorġu bejn sitt ijiem u 21 jum minn mindu tkun f’kuntatt ma’ persuna bil-monkeypox.

Intant, kollox jindika li s’issa il-monkeypox mhuwiex inkwetanti fl-Ewropa hekk kif s’issa ġie rreġistrat każ wieħed biss. U m’hawn l-ebda każijiet f’pajjiżna.