Il-Gvern m’għandux jaċċetta li Maltin jiġu estraditi lejn pajjiżi oħrajn kif ġieb u laħaq
Il-Partit Nazzjonalista jisħaq li l-Gvern m’għandux jaċċetta li ċittadini Maltin jiġu estraditi lejn pajjiżi oħrajn biex jitressqu quddiem Qrati ta’ pajjiżi oħrajn meta jkun ċar li r-reati li dwarhom qed ikunu investigati jkunu twettqu f’Malta. Dan jgħodd aktar u aktar meta r-reati li dwarhom tkun qed tintalab l-estradizzjoni jkunu reati li jeżistu wkoll fil-liġijiet ta’ pajjiżna.
Il-Partit Nazzjonalista segwa b’interess u b’attenzjoni l-proċeduri li għaddejjin fil-Qrati ta’ pajjiżna b’rabta mat-talba biex iż-żagħżugħ Malti Daniel Joseph Meli jiġi estradit lejn pajjiż ieħor.
Ilbieraħ, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech u x-Shadow Minister għall-Ġustizzja Karol Aquilina ltaqgħu mal-ġenituri ta’ Daniel Joseph Meli u ddiskutew magħhom il-ħtieġa li l-Istat Malti jipproteġi l-interessi ta’ ċittadini Maltin li jkunu għaddejjin proċeduri biex jiġu estraditi lejn pajjiż ieħor.
Id-deċiżjoni finali dwar jekk Daniel Joseph Meli għandux jiġi estradit se tittieħed mill-Gvern Malti wara li jintemm il-proċess li bħalissa jinsab għaddej quddiem il-Qrati ta’ pajjiżna.
Il-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista hi li l-Gvern Malti m’għandux jippermetti l-estradizzjoni ta’ Daniel Joseph Meli. Minflok, il-Gvern għandu jara li l-awtoritajiet Maltin jipproċedu fil-konfront tiegħu quddiem il-Qrati ta’ pajjiżna u li, f’każ li jinstab ħati, iservi s-sentenza li jingħata f’pajjiżna stess.
Mill-każ ta’ Daniel Joseph Meli joħroġ ċar li teżisti ħtieġa urġenti li l-liġijiet ta’ pajjiżna jkunu aġġornati biex jagħmluha possibbli li persuna tkun tista’ tappella minn deċiżjoni dwar l-estradizzjoni anke meta tkun hi stess li f’xi stadju tal-proċedura tkun tat il-kunsens tagħha għall-estradizzjoni.
Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista qed jagħti d-disponibbiltà tiegħu biex, bi qbil mal-Gvern u mill-aktar fis possibbli, jitressqu u jiġu approvati l-emendi meħtieġa għal-liġijiet ta’ pajjiżna f’dan ir-rigward.
//= $special ?>

