Becky Hill u Sam Smith offrew spettaklu mill-isbaħ għal dawk kollha li l-Ħamis kienu preżenti f’Ta’ Qali għal SummerDaze – avveniment li matulu ħa sehem ukoll l-artist Malti Shaun Farrugia, li fetaħ din is-serata b’għadd ta’ kanzunetti oriġinali tiegħu.

Il-kantanta Ingliża Becky Hill, li saret popolari wara li ħadet sehem f’The Voice UK fl-2012, kantat il-kanzunetti popolari tagħha Afterglow, Disconnect u I Wish You Well.
Becky Hill kienet qed tirritorna Malta wara xejn anqas minn 11-il sena; u x-show tagħha intlaqa’ b’mod tajjeb ħafna minn dawk kollha preżenti.

Iżda l-istennija prinċipali kienet għall-kantant Sam Smith, li seraq ix-xena bil-kostumi tiegħu u l-interpretazzjoni unika tal-kanzunetti li wassal – li kollha għandhom timbru partikolari.
Sam Smith kanta għadd ta’ kanzunetti popolari, fosthom Stay With Me, Too Good At Goodbyes u I’m Not The Only One.
Fuq il-palk, Sam Smith deher diversi drabi ibiddel l-ilbies tiegħu fi ftit ħin, minkejja s-sħana kbira li kienet qed tinħass; tant li hu stess ammenta li kellu wisq tibdiliet għas-sħana li kien hemm.

Intant, l-organizzaturi ta’ SummerDaze sostnew li madwar 65% tal-udjenza f’Jum Santa Marija kienu persuni barranin.