Kollox qed jindika li matul il-ġimgħa li ġejja t-temperatura se ttaffi xi ftit mis-sħana ta’ dawn il-ġranet. Dan hekk kif skont l-Uffiċċju Meterjoloġiku fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta t-temperatura matul il-ġimgħa d-dieħla mhux se taqbeż it-30 grad celcius.
Minn nhar it-Tnejn illi ġej it-temperatura kemm matul il-ġurnata kif ukoll matul il-lejl se tinżel b’mod sinifikanti. U hija mbassra li tkun 30 grad matul il-jum, filwaqt li matul il-lejl it-temperatura se tkun bejn it-23 u l-24 grad celcius.
Apparti minn hekk, minn nhar il-Ħadd se jqum ftit tar-riħ u skont it-tbassir tat-temp, ir-riħ se jitla’ għal saħħa ta’ Forza 4. Biex imbagħad minn nhar it-Tnejn ir-riħ se jlaħħaq sa Forza 5.
U allura dan ifisser li għal dawk kollha li jħobbu jqattgħu l-ġranet fejn il-baħar għandhom joqgħodu attenti f’liema bajjiet imorru minħabba r-riħ, kif ukoll jagħmlu użu mill-krema protettiva hekk kif ir-raġġi xorta waħda se jkunu perikolużi.
Fil-fatt, għal dawk kollha li ma tantx iħobbu x-xemx matul il-ġimgħa d-dieħla it-temp se jkun ftit jew wisq imsaħħab. Pero l-Indiċi UV xorta se tkun għolja hekk kif se jkun fil-livell ta’ 8 matul il-ġimgħa kollha.
Interessanti l-fatt li ċertu siti qed jindikaw ukoll li f’xi ġranet taf traxxax xi ftit ta’ xita – iżda xejn inkwetanti.
Intant, mill-Ħamis li ġej jidher li l-forza tar-riħ se tibda tnaqqas iżda s’issa m’hemm l-ebda indikazzjoni jekk it-temperatura hux se terġa’ togħla wara dakinhar.
//= $special ?>