Lokali

Eks Pulizija jallega li ġie trattat ħażin mill-Kummissarju tal-Pulizija waqt li kien qed jieħu trattament kontra l-kanċer

Eks uffiċjal tal-Pulizija ressaq ilmet quddiem l-Imħallef Emeritu Joseph Zammit McKeon bħala l-Ombudsman Parlamentari, hekk kif allega li meta kien qiegħed isofri mill-marda tal-kanċer, – dak iż-żmien Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar naqas minn dmirijietu li jieħu ħsiebu.

Dan hekk kif saħaq li hu ma tħalliex jibbenedfika minn tlett xhur leave ta’ qabel l-irtirar u li huma applikabbli għal uffiċjali pubbliċi.

Huwa spjega li meta tqiegħed taħt kura medika rigoruża tant li qabbel lilu nnifsu ma eremita li kellu biża’ minn xi infezzjoni.

Kien proprju f’dan iż-żmien ċioè f’Mejju 2016, proprju taħt it-tmexxija ta’ Cutajar waqt li kien Acting Commissioner, li kien ġie mgħarraf li s-sick leave tiegħu kien skada kompletament u li ma kienx se jibqa’ jirċievi paga – dan minkejja li kien għad fadallu xahrejn oħra ta’ kimoterapija u radjoterapija.

Għaldaqstant huwa sussegwentament kien qaleb għall-leave – madanakollu fi Frar 2017 huwa staqsa dwar il-proċedura ta’ irtirar, bit-talba tiegħu ma tiġix milqugħa – bil-benefiċċju tat-tlett xhur leave ta’ qabel l-irtirar ma tiġix awtorizzata – minkejja li kellu 40 sena servizz.

Intant, l-uffiċċju tal-Ombudsman bagħat l-ilment ta’ dan l-individwu lis-Segretarju Permanenti fid-Diviżjoni tal-People and Standards, lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Intern u l-Kummissarju tal-Pulizija. – bid-Diviżjoni tal-People and Standards tisħaq li ma kellux dritt awtomatiku għal dan il-leave.

Dan filwaqt li l-Ministeru għall-Intern u l-Kummissajru tal-Pulizija ċaħdu l-allegazzjoni ta’ trattament inġust

Finalment, l-Ombudsman spjega li l-Uffiċċju ma sabx li l-awtoritajiet tal-Pulizija traskuraw id-dmir tagħhom li jieħdu ħsieb l-interessi tal-individwu li ressaq l-ilment.

Iżda insista wkoll li jekk il-perjodu ta’ sick leave li huwa stabbilit huwiex biżżejjed hija kwistjoni oħra, waħda li  għandha tiġi kkunsidrata mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Intant huwa rrakkomanda li minħabba r-raġunijiet mediċi tiegħu, ir-raġel għandu jitħallas għall-leave ta’ qabel l-irtirar ta’ tliet xhur li kien intitolat għalih iżda ma setax jingħatalu.