99% hemm ċans li Nicolette Ghirxi ma kinitx tagħmel ir-rapport mal-Pulizija li kieku ma sarx shift fis-servizzi li nipprovdu.
Sostna dan il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà f’intervista mat-Times of Malta hekk kif insista li huwa faċli li wieħed jipponta subajgħ lejn il-Pulizija wara l-omiċidju ta’ Ghirxi, iżda stqasa jekk il-pubbliku hemm barra jafx kemm-il ħajja isalvaw.
Fix-xhur li għaddew, Nicolette Ghirxi ma qagħditx għal risk assessment report mal-Pulizija u minħabba f’hekk, matul il-konferenza tal-aħbarijiet fl-għodwa ta’ wara t-traġedja, il-Kummissarju tal-Pulizija sostna li l-każ fil-jiem ta’ qabel kien qed jitqies bħala wieħed ta’ low risk.
Meta l-mara ma riditx tagħmel risk assessment report fil-konfront tal-eks sieħeb tagħha, Edward Johnston kien jinsab barra minn Malta. U allura, meta hu irritorna, id-dinamika inbidlet kompletament.
Fil-fatt, kien il-Ħamis filgħaxija – ċioè 3 ijiem biss qabel ma nqatlet Ghirxi – meta l-mara kienet għamlet rapport mal-Pulizija fejn qalet li kienet qed tissuspetta li l-Irlandiż jinsab Malta. Tant li l-Pulizija diġà kellhom konferma … għas-sempliċi fatt li meta talbuh biex ikelmuh u injorahom, qalilhom li daż-żmien kien se jkun f’pajjiżna.
Mat-Times, l-istess Angelo Gafà dar minn kliemu u qal li minkejja li ma riditx tagħmel assessment report il-Pulizija ma jfissirx li awtomatikment tqis il-każ bħala low risk.
Madanakollu f’dan il-każ sfortunatament hekk ġara – bl-investigazzjonijiet, b’mod ċar, ma mxewx kif kellhom jimxu.
Intant, l-Avukat Joseph Borda ċanfar id-diskors li Angelo Gafà għamel waqt il-konferenza tal-aħbarijiet. U insista li l-proċeduri fil-konfront ta’ Johnston mal-ewwel rapport kellhom jittieħdu bl-akbar serjetà.
Mill-ewwel indikazzjonijiet, u min sempliċi riċerka fuq l-internet, jidher li Edward Johnston kellu rekord kriminali; bl-Avukat Borda ma jaqbel assolutament xejn li dan il-każ kellu jitqies bħala wieħed low risk.
Borda ppubblika emails li jikxfu kif kif l-Irlandiż kien kontinwament jinjora l-kommunikazzjoni mibgħuta mill-Pulizija. Tant li xi drabi spiċċa jgħidilhom li qiegħed Dubaj “biex ikompli jieħu tan” u jhedded lill-Pulizija biex jekk iridu jikkuntantjaw lill-Interpol.
Minkejja din l-attitudni, minkejja l-biża’ ta’ Ghirxi fejn saħansitra għamlet rapport fil-lejl tal-Ħamis 3 ijiem qabel ġiet maqtula….Gafà baqa’ jinsisti li l-każ kien qed jitqies bħala wieħed low-risk, każ li sa wara l-omiċidju…kien għadu qed jiġi proċessat.