Lokali

Investigazzjoni tal-Arċisqof twassal għat-tkeċċija tal-Peruvjan Luis Fernando Figari

Investigazzjoni li saret mill-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna flimkien ma’ Monsinjur Jordi Bertomeu tad-Dekasteru għad-Duttrina tal-Fidi waslet sabiex il-fundatur tas-Sodalitium Christianae Vitae jitkeċċa mill-organizzazzjoni ….b’deċiżjoni tal-Vatikan.

Dan hekk kif Luis Fernando Figari Rodrigo, ta’ 77 sena, kien akkużat li wettaq mhux biss abbuż ta’ poter iżda anke abbuż sesswali.

F’isem il-Papa Franġisku huma kienu żaru l-Peru lura f’Lulju tal-2023 – b’aktar kmieni dan ix-xahar il-Papa jordna t-tkeċċija ta’ Figari bid-digriet jisħaq li din id-deċiżjoni ttieħdet għall-ġid tal-Insara kollha.

Preżentament Figari qiegħed joqgħod l-Italja – bil-Vatikan fl-ebda mument ma jipproteġih iżda saħansitra pprojbixxih milli jirritorna fil-Perù u li jagħmel forma ta’ kuntatt mal-istess organizzazzjoni li huwa waqqaf  aktar minn 50 sena ilu.

L-investigazzjoni fil-konfront tiegħu kienet infetħet lura fl-2015 meta ġurnalisti Peruvjani kienu kitbu ktieb bl-isem ta’ Half Monks Half Soldiers, fejn kixfu l-aġir ta’ Figari. Din mhix l-ewwel okkażjoni li Monsijur Scicluna kien fdat b’ħidma importanti barra l-pajjiż, u kemm-il darba ġie fdat b’dawn il-missjonijiet mill-Papa innifsu.