Lokali

Summer Night Market – żewġt iljieli għall-familja kollha fil-Mellieħa

Appuntament annwali is-Sibt 17 u l-Ħadd 18 ta’ Awwissu hek kif il-lokalità tal-Mellieħa qed tilqa’ s-Summer Night Market – lejla maġika mgħonija b’mużika, kant divertiment għal familja kollha – b’artiġġjanat, ikel u xorb.

Net News tkellem mas-Sindku tal-Mellieħa, Gabriel Micallef fejn spjega li din se tkun organizzata minn Eco Market Malta bil-Kunsill Lokali Mellieħa jappoġġja din il-lejla mill-isbaħ f’Misraħ il-Parroċċa.

Matul din is-serata se jkunu qed jippromwovu b’mod partikolari s-sostenibbiltà, dan kollu b’differenza u divertiment garantit għall-familja kollha.

Gabriel Micallef insista dwar l-importanza li tinħoloq aktar kuxjenza biex il-familji Maltin u Għawdxin ikomplu jaħdmu lkoll flimkien favur pajjiż aktar eco-friendly għaliex kull ħidma żgħira kemm tkun żgħira ċertament li tagħmel id-differenza għal uliedna u ulied uliedna.

Huwa temm jgħid li l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa ċertament se jkun dejjem qed jappoġġja attivitajiet bħal dawn li jedukaw u jagħtu pjattaforma għal kawżi ġusti għal ġid ta’ kulħadd.