Lokali

George Gregory fl-isfond tal-iskandlu Vitals: Issa fit-tmun tal-Malta Enterprise

Il-gazzetta l-Mument żvelat kif bħala parti minn sensiela ta’ musical chairs li qiegħed jagħmel Robert Abela bejn il-Gvern u l-Partit Laburista – għaliex għalih m’hemm differenza bejn gvern u partit – fil-jiem li għaddew tħabbret il-ħatra ta’ George Gregory bħala Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise minflok Kurt Farrugia li għadu mhux ċert jekk ingħatax promozzjoni jew le lejn it-tmun ta’ Transport Malta!

Sorsi infurmati li f’dawn il-jiem tkellmu ma’ Il-Mument skantaw kif min daqstant nies li seta’ jagħżel Robert Abela għal dan l-irwol tant importanti, finalment għażel persuna li kien involut direttament fl-iskandlu tal-Vitals. 

Din l-għażla, magħmula minn Robert Abela, tirrigwarda lil George Gregory, li kien il-Managing Partner ta’ RSM Malta u kellu sehem ewlieni fil-proġett Vitals Global Healthcare (VGH).

Dan il-proġett, li ġie kkonċeput bħala inizjattiva li kellha ttejjeb is-servizzi tas-saħħa f’Malta, issa huwa magħruf bħala wieħed mill-akbar skandli ta’ korruzzjoni fl-istorja moderna tal-pajjiż.

F’dan ir-rapport Il-Mument se tkun qed teżamina r-rwol ta’ George Gregory u l-kumpanija imexxija minnhu fil-proġett Vitals… u kif dan għandu konsegwenzi serji fuq il-ħatra tiegħu bħala Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise.

Ir-rwol estensiv ta’ George Gregory fil-Proġett Vitals

George Gregory kien direttament involut f’diversi stadji kritiċi tal-proġett Vitals, li oriġinarjament kien ippreżentat bħala proġett ambizzjuż biex jittejbu s-servizzi tas-saħħa f’Malta.

Ir-rwol tiegħu ma kienx limitat għall-ħidma ta’ konsulenza u preparazzjoni ta’ dokumenti strateġiċi, iżda kien ħafna aktar profond u influwenti.

Fl-ewwel stadji tal-proġett, huwa ħadem flimkien ma’ oħrajn fuq tħejjija ta’ valutazzjoni strateġika intitolata: ‘Strategic Assessment for Developing Best in Class Health Care Services and Medical Educational Facilities in Malta’.

Dan id-dokument serva bħala l-pedament li fuqu nbena l-proġett VGH u kien jinkludi linji gwida strateġiċi biex Malta ssir ċentru ta’ eċċellenza medika.

George Gregory kien strumentali fit-tfassil ta’ dan il-pjan, li kien jinvolvi elementi finanzjarji, operattivi u infrastrutturali li kellhom jiġu implimentati fil-proġett.

Dan id-dokument kien kruċjali mhux biss għaliex ipprovda direzzjoni għall-proġett, iżda wkoll għax iddefinixxa l-miri u l-ambizzjonijiet li eventwalment kienu se jiġu ppreżentati lill-gvern u l-partijiet interessati.

Madankollu, kif kien żvelat aktar tard, ħafna mill-premessi u l-wegħdiet magħmula f’dan id-dokument kienu ta’ natura illużorja, u l-proġett VGH spiċċa biex iddaħħal lil Malta f’sitwazzjoni fejn ġie żvelat li kien hemm frodi estensiva u nuqqas ta’ ġestjoni serja.

George Gregory ma waqafx hawn

Huwa baqa’ involut bħala konsulent ewlieni matul il-proċess kollu, u l-impenn tiegħu għadda għal diversi fażijiet.

Huwa kien strumentali fil-formazzjoni tal-proposti u l-evalwazzjonijiet li mbagħad influwenzaw b’mod dirett il-mod kif il-proġett Vitals ġie mmaniġġjat.

Ir-rwol tiegħu bħala konsulent kien jinvolvi wkoll il-parteċipazzjoni fl-iżvilupp ta’ strateġiji finanzjarji u operattivi li suppost kellhom jassiguraw li l-proġett ikun suċċess.

Għalkemm dan ir-rwol kien jidher fil-wiċċ bħala wieħed ta’ kontroll u supervisjoni, fil-verità ħafna mill-evalwazzjonijiet u l-pariri tiegħu wasslu għall-falliment kbir li affettwa b’mod negattiv is-sistema tas-saħħa ta’ Malta.

Is-sorsi li tkellmu ma’ Il-Mument fissrulna li waħda mill-aktar responsabbilitajiet sinifikanti ta’ George Gregory kienet il-parteċipazzjoni tiegħu mal-Kumitat tal-Valutazzjoni li kien inħatar biex jevalwa l-offerti għall-kunċessjoni tal-isptarijiet.

Dan il-Kumitat kellu l-irwol kritiku fl-evalwazzjoni tal-bidders għall-proġett Vitals u l-pariri ta’ George Gregory kienu kruċjali fid-deċiżjonijiet li ttieħdu matul dan il-proċess.

Il-gwida tiegħu kienet essenzjali, iżda l-għażliet li saru f’dan il-proċess issa huma suġġetti għal kritika qawwija, speċjalment minħabba l-fatt li eventwalment il-proġett spiċċa f’falliment finanzjarju u amministrattiv enormi.

L-involviment ta’ George Gregory kien wisq aktar minn sempliċi konsulenza. Huwa kien wieħed mill-mexxejja strateġiċi li ħadu sehem f’kull stadju kruċjali tal-proġett… minn preparazzjoni għat-twettieq u finalment għall-kollass li ġab miegħu skandlu fuq proporzjonijiet nazzjonali.

Dan l-impenn estensiv tiegħu jqajjem mistoqsijiet serji dwar kif Robert Abela seta’ jqis lil George Gregory bħala l-għażla t-tajba biex imexxi entità bħal Malta Enterprise… aktar u aktar fid-dawl tal-falliment tas-sistema li huwa għen biex tinħoloq.

L-involviment tal-kumpanija imexxija minn Gregory fil-proġett Vitals

Il-kumpanija taħt it-tmexxija ta’ George Gregory bħala Managing Partner, kellha rwol estensiv u kontroversjali fil-proġett VGH. Ir-rwol tagħa ma kienx limitat biss għal servizzi ta’ awditjar, iżda wkoll għall-konsulenza, fejn kienu nvoluti b’mod dirett fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġett.

Hawn huma xi wħud mill-aspetti ewlenin ta’ dan l-involviment:

  1. Awditjar u Sorveljanza Finanzjarja:

Kienet responsabbli mill-awdittjar tal-kontijiet tal-VGH. Madankollu, kien hemm dewmien sinifikanti u problemi serji relatati ma’ dawn l-awditi.

Il-kontijiet awditjati tal-Grupp VGH għal snin 2015, 2016, u 2017 ma ġewx ippreparati fil-ħin u l-ebda awtorità tal-Gvern Malti ma tidher li kienet qed tissorvelja jew tiċċekkja dawn il-kontijiet. Dan in-nuqqas ta’ sorveljanza jqajjem mistoqsijiet serji dwar it-trasparenza u r-responsabbiltà ta’ dan il-proċess.

  • Rwoli ta’ Konsulenza:

Flimkien ma’ konsulenti oħra, kienet involuta fit-tfassil tal-pariri speċjalizzati matul il-fażijiet inizjali tal-proġett tal-kunċessjoni tal-isptarijiet.

Dan inkluda tħejjija ta’ valutazzjonijiet strateġiċi u l-appoġġ fit-tfassil tar-Request for Proposals (RFP). Kienet ukoll identifikata bħala l-awdituri u konsulenti li pprovdew gwida lill-Kumitat tal-Valutazzjoni responsabbli mill-evalwazzjoni tal-offerti għall-proġett.

Ir-rwol tagħhom f’dan il-proċess kien ċentrali, iżda d-dewmien u l-allegazzjonijiet ta’ frodi jqajmu mistoqsijiet serji dwar is-serjetà u l-professjonaliżmu ta’ dawn il-pariri.

  • Involviment fil-Proċess ta’ Valutazzjoni:

Taħt it-tmexxija ta’ George regory, tat gwida lill-Kumitat tal-Valutazzjoni li kien inħatar mis-Segretarju Permanenti, Ronald Mizzi, waqt l-evalwazzjoni tal-offerti għall-kunċessjoni tal-isptarijiet. Dan ir-rwol kellu impatt dirett fuq id-deċiżjonijiet finali li ttieħdu u li issa qed jiġu riveduti b’mod kritiku minħabba l-falliment tal-proġett.

Il-konsegwenzi u l-impatt fuq il-ħatra ta’ George Gregory

L-involviment ta’ George Gregory fil-proġett Vitals kien imniġġes minn dewmien, nuqqas ta’ sorveljanza u tħassib serju dwar l-etika professjonali.

Dawn l-aspettazzjonijiet negattivi jqajmu dubji serji dwar l-adegwatezza tal-ħatra ta’ George Gregory bħala CEO tal-Malta Enterprise, entità responsabbli għall-promozzjoni u l-iżvilupp tal-ekonomija Maltija.

Il-falliment tal-proġett Vitals, li kien immexxi taħt sorveljanza diretta u indiretta ta’ Gregory, kien devastanti għas-sistema tas-saħħa u għall-finanzi pubbliċi ta’ Malta.

Il-ħatra ta’ persuna b’rwol ċentrali f’wieħed mill-akbar skandli ta’ korruzzjoni f’Malta f’pożizzjoni ta’ tmexxija daqshekk importanti tista’ tidher bħala deċiżjoni skandaluża li tikkomprometti l-fiduċja tal-pubbliku fil-Gvern.

Huwa essenzjali li jkun hemm trasparenza u responsabbiltà fil-ħatriet pubbliċi, speċjalment f’każijiet fejn hemm involuti nies li l-passat tagħhom huwa marbut ma’ fallimenti u nuqqasijiet kbar.

L-għażla tal-Prim Ministru Robert Abela li jinnomina lil George Gregory bħala CEO tal-Malta Enterprise tpoġġi dubji kbar fuq il-kriterji u l-proċessi li qed jintużaw għal ħatriet ta’ tmexxija fi ħdan il-gvern. Fid-dawl tal-involviment ta’ George Gregory u fil-proġett Vitals, din il-ħatra tidher li hija mmotivata minn raġunijiet oħra milli mill-mertu u l-kompetenza.

Dan iqajjem mistoqsijiet dwar jekk din l-għażla kinitx ġudizzju ħażin jew għar min hekk li l-Prim Ministru ried apposta jappunta xi ħadd involut fl-iskandlu tal-akbar frodi biex imexxi l-intrapriża f’ pajjiżna.