Futbol Sport

Ħamrun Spartans jibdew jiddefendu t-titlu ta’ Champions b’rebħa fuq Żabbar St. Patrick

Ritratt: Joseph Galea

Andrè Muscat

ĦAMRUN SPARTANS………….. 3

ŻABBAR ST. PATRICK ………. 1

Ħamrun Spartans : H. Bonello, S. Borg (S. Scerri 13’), L. Montebello, T. Lui Barboza (D. Letherby 82’), J. Mbong, R. Prsa, E. Freitas (E. Domingos 75’), W. Barros, M. Barbosa da Rocha, R. Camenzuli, L. Silva

Żabbar St. Patrick : M. Grech, J. Micallef, M. Augusto (S. Ilic 72’), W. Bonilha, Z. Grech, D. Tavares (B. Gambarte 72’), L. Agius (J. Mendonca 46’), V. De Paiva, D. Jovicic (D. Fava 82’), M. Barros (S. Gatt 57’), D. Souza

Imwissija: V. De Paiva 30’ (ZSP), M. Augusto 32’ (ZSP), L. Agius 36’ (ZSP),

Skorjaw: L. Silva 37’ (ĦS), D. Souza 73’ (ŻSP), J. Mbong 78’ (ĦS)

Referee: Trustin Farrugia Cann

Assistenti Referees: Luke Portelli u David Castillo

360 Sports Plejer tal-Logħba: Dorde Jovicic (ŻSP)

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Dorde Jovicic (ŻSP)

Kif mistenni fit-Tony Bezzina Stadium Ħamrun Spartans jieħdu l-punti massimi fl-ewwel konfront tagħhom dan l-istaġun kontra Żabbar St. Patrick.

Ħamrun jibdew dan il-konfront fuq l-attakk u fir-4 minuta kien il-plejer Barros li minn posizzjoni angolata fuq il-lemin jitanta xortih bil-ballun jagħdi ftit barra, biex l-iskor jibqa’ ta’ 0-0.

Kien Ryan Camenzuli għall-Ispartans meta fis-17-il minuta wara li avanza minn fuq ix-xellug prova tentattiv tiegħu bil-ballun spiċċa ftit barra mill-lasta ta’ Grech.

Jerġaw ikun Ħamrun Spartans viċin li jiżblukkaw ir-rużultat, din id-darba fil-21 minuta cross ta’ Prsa minn fuq il-lemin fejn fuq it-tieni lasta jkun Barbosa li bir-ras iniżel lejn Talison b’dan tal-aħħar jara x-xutt tiegħu jispiċċa ftit barra.

Man-nofs siegħa logħob cross fit-tul mix-xellug minn saqajn l-Internazzjonali Malti Ryan Camenzuli, bil-ballun jiġi f’saqajn Talison b’dan tal-aħħar jara ix-xutt tiegħu jinżel fuq il-minduda biex l-iskor jibqa’ ta’ Ħamrun 0 Żabbar 0.

L-Ispartans kellhom jistennew sas-37 minuta sabiex żblukkaw ir-riżultat u jiskurjaw l-ewwel gowl tagħhom fil-kampjonat Premier 2024-25. Azzjoni sabiħa bejn Prsa u Lopes Silva, b’dan tal-aħħar jfajjar xutt minn tarf il-kaxxa l-kbira bil-ballun jispiċċa fix-xibka wara l-goalkeeper Matthew Grech.

Immedjatament fit-38 minuta tasal l-ewwel azzjoni perikoluża għal Żabbar St. Patrick, meta mill-lemin cross ta’ Wallace ikun Augusto li prova ix-xutt tiegħu, bil-goalkeeper ta’ Ħamrun isalva mingħajr ebda diffikulta’.

Ħamrun viċin li jirduppjaw fl-44 minuta, kien l-awtur tal-gowl Lopes Silva li waħdu quddiem Matthew Grech iqabbeż il-ballun, bil-ballun jidher destinat għal ġewwa iżda id-difensur Agius kellu intenzzjoni oħra u rnexxilu jtajjar il-ballun fil-ħin minn fuq il-linja tal-gowl.

Ir-referee Tristan Farrugia Cann jagħti 4 minuti fuq il-ħin regolamentari biex saffar tmiem l-ewwel taqsima. Ħamrun bl-aħjar tim fil-grawnd jidħlu jistrieħu b’vantaġġ minimum ta’ 1-0 fuq Żabbar St. Patrick respettivament.

Tasal l-ewwel azzjoni tat-tieni taqsima, fis-56 minuta St. Patrick viċin ħafna li jġibu draw wara li mill-lemin Zacchary Grech jitfa’ cross fil-baxx lejn Barros Santos b’dan tal-aħħar jitfa’ l-ballun ftit barra.

Kien fit-62 minuta meta Talison jagħti ballun fit-tul lejn Camenzuli, bid-difensur ta’ Ħamrun minn posizzjoni angolata mix-xellug jara ix-xutt tiegħu jaħbat mal-ġemb tax-xibka.

Żabbar St. Patrick jolqtu l-minduda meta corner mill-lemin ikun Sean Gatt li jogħla fuq kulħadd biex bir-ras jipprova jiġib id-draw bil-ballun jistampa mal-lasta ta’ Ħamrun Spartans.

Żabbar St. Patrick jiskurjaw il-gowl tad-draw fit-73 minuta, meta corner mix-xellug jinżel fuq ras Oliveira Souza, bl-attakkant ta’ Żabbar jara’ daqqa ta’ ras tiegħu taħbat mal-minduda bil-ballun jibqa’ dieħel wara l-goalkeeper Bonello. Bil-partitarji numerużi Żabbarin f’ewforija ta’ ferħ mal-gowl tad-draw.

Ħamrun Spartans fit-78 minuta jerġaw imorru fil-vantaġġ, meta cross perfett ta’ Ryan Camenzuli mix-xellug jidħol u jogħla fuq kulħadd Joseph Mbong, biex bir-ras jitfa’ l-ballun fix-xibka Żabbarija.

Tristan Farrugia Cann isaffar penalty favur Ħamrun Spartans fit-88 minuta, meta Sean Gatt deher iwaqqa’ fil-kaxxa lil Bruno Domingos. Mar fuq il-ballun mill-11-il metru l-Internazzjonali Malti Luke Montebello, biex bl-aktar mod faċli jitfa’ l-ballun wara Matthew Grech u jagħmel l-iskor 3-1 favur Ħamrun Spartans.

Mat-tisfira finali tar-referee Farrugia Cann, bl-aktar mod meritat Ħamrun Spartans jtemmu l-ewwel konfront tagħhom b’rebħa komda ta’ 3-1 fuq it-tim neo promoss Żabbar St. Patrick.