Tal-anqas 30 indarbu waqt inċident mhux tas-soltu li seħħ tard fil-lejl tas-Sibt waqt festival mużikali fil-limiti ta’ Leipzig, lejn il-Lvant tal-Ġermanja.
Intant, l-awtoritajiet qed jinvestigaw x’seta’ wassal għan-nirien li ħakmu żewġ gondolas ta’ Ferris Wheel f’ħin meta n-nies kienu qed jiddevertu waqt il-Highfield Festival li kien qed ikun organizzat maġenb ix-Xmara Stoermthaler.
Ir-rapporti qalu li n-nirien kienu qabdu f’gondola u bil-fjammi jinfirxu għal gondola oħra – bir-riżultat li numru ta’ nies fuq il-Ferris Wheel sofrew ħruq serju.
Kien hemm ukoll in-nies li korrew wara li huma waqgħu mill-gondolas filwaqt li xi pulizija u membri tal-iskwadri għall-emerġenza kienu qed ikunu trattati għad-dħaħen li belgħu wara li huma marru fuq il-post biex jagħtu l-ewwel għajnuna lill-midruba.
Sadanittant, il-pulizija ma setgħetx tipprovdi l-informazzjoni konkreta dwar il-kundizzjoni ta’ ħafna fost il-midruba – li t-total tagħhom ma kienx ikkonfermat mis-sorsi uffiċjali.
Fl-istess ħin, il-pulizija qed tinvestiga jekk kienx hemm il-passiġġieri fl-ewwel gondala li ħadet in-nar – u li skont l-operatur tal-Ferris Wheel kienet vojta matul il-ħin tal-inċident.
//= $special ?>