Il-ħatriet f’pożizzjoni pubbliċi magħmulin direttament mill-Prim Ministru, mit-tmexxija diretta tal-Gvern jew mill-Partit fil-Gvern – ħatriet magħmulin fuq xejn għajr lealtà lejn il-partit jew konvenjenza partiġjana hija biss xempju ta’ reġim awtoritarju mhux amministrazzjonijiet demokratiċi.
Dan saħqu l-editur tas-Sunday Times of Malta hekk kif sostna li din l-attitudni mhux biss qed tħammeġ ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna iżda qed timbotta kompletament talent ġdid milli jidħlu fis-sistema u li possibilment qed tikkontribwixx għal brain drain li hawn preżentament.
L-editur insista li din l-imġieba, magħmula mill-Partit Laburista qed tiddiżappunta wkoll dawk il-partitarji l-aktar qrib l-istess partit li qed iħossuhom imwarrba mil-Labour mill-istess grupp li qed jarawh qed jitħanżer bl-addoċċ.
Fl-editorjal intqal li din is-sistema ħafna drabi twassal għal korruzzjoni, u proprju l-iskandli li ta’ kuljum nisimgħu bihom jixhdu proprju dan.
L-editur qal li taħt it-tmexxija ta’ Robert Abela min isabbat saqajh qed jispiċċa jiggwadanja għaliex hekk kif qed jiprova jsalva ġildu, Abela qed jidher aktar u aktar bħala wieħed li qed jittanta jirranġa l-affarijiet milli mexxej b’viżjoni ċara.
Huwa saħaq li l-Gvern ma jista’ qatt jidher li qed jagħżel l-aħjar nies f’pożizzjonijiet ta’ tmexxija, l-aktar nies ta’ talent, imma qed jidher li qed jippremja dawk l-aktar qrib il-Partit Laburista, permezz ta’ golden handshakes jew biex jixtri s-silenzju tagħhom.
L-editur spjega li l-lista ta’ Abela issa tant kemm hi twila li diffiċli tiftakarhom kollha, bl-aħħar ismijiet ikunu Randolph Debattista li biex jeħles minnu minn Kap Eżekuttiv tal-Labour u Deputat Laburista ħa jixħtu ambaxxatur…u Jason Micallef bħala delegat speċjali…żewġ karigi li ġew mgħotija f’temp ta’ 24 siegħa.
Bl-editorjal jisħaq li din hija prattika li ilha għaddejja b’konsistenza sħiħa għal aktar minn 10 snin, snin ta’ Gvern tal-Labour li jagħmel minn kollox biex jibqa’ fil-poter.
//= $special ?>