Lokali

“Il-Labour jinsab f’konfużjoni; Abela jrid isalva ġildu biss” – Editorjal Independent

Il-Partit Laburista jinsab fi stat konfuż, b’Abela jfittex biex isalva ġildu milli jħares l-interessi tal-pajjiż.

Din hija d-dikjarazzjoni tal-Editur tal-ġurnal The Malta Independent hekk kif spjega li r-riżultati elettorali tat-8 ta’ Ġunju kellhom impatt sostanzjali fuq il-Labour aktar milli kien maħsub inizjalment.

L-Editur insista wara 10 snin ta’ tmexxija relattivament komda, mid-9 ta’ Ġunju l-Partit Laburista spiċċa taħt xokk – bid-deċiżjonijiet li qed jieħu l-Labour, partikolarment il-Mexxej Robert Abela qed iqajmu diversi mistoqsijijet.

Fl-Editorjal intqal kif aktar ma jgħaddu l-jiem aktar Robert Abela qed jidher li mhux kapaċi jżomm kontroll – b’deċiżjonijiet meħuda b’għaġla, deċiżjonijiet li jmorru kontra kliemu stess hekk kif qed jittanta jerġa’ jikseb il-fiduċja fil-Gvern u l-Labour innifsu.

Kawża ta’ din l-attitudni u l-u-turns, waħda wara l-oħra, l-editur sostna li qed inaffar l-istess nies li qed ipoġġu ma ġenbu fil-Kabinett hekk kif qed jaraw li ċertu imġieba aktar qed timbutta lill-elettorat milli tiġbdu.

Filwaqt li l-editur saħaq li ċertament dak li qed jiġri fil-Qrati Maltin qed jaffettwa r-reputazzjoni tal-Labour….fost oħrajn bl-eks Prim Ministru u predeċessur ta’ Abela, Joseph Muscat, akkużat bi frodi u ħasil ta’ flus fost oħrajn….hemm ħafna aktar skandli li taw daqqa lill-Partit Laburista.

Fl-aħħar xhur, il-Partit tal-Labour feġġewlu l-iskandli tal-Benefiċċji Soċjali, tal-Liċenzji tas-Sewqan u issa tal-ID Cards foloz…fost diversi oħrajn – bl-editur jisħaq li Robert Abela jinsab mitluf – bl-attitudni tiegħu wara t-8 ta’ Ġunju sejra mill-ħażin għall-agħar.

L-editur insista li d-deċiżjonijiet li qed jieħu Abela aktar donnhom li qed isiru biex isalva ġildu u l-Partit milli biex iħarsu l-interessi tal-pajjiż.

Ir-ritorn ta’ Rosianne Cutajar fil-Grupp Parlamentari Laburista hija deċiżjoni minnhom hekk kif fix-xhur li għaddew Abela kien għamilha ċara li kien se jilqagħha lura la darba tagħmel apoloġija – madanakollu għalkemm din l-apoloġija qatt ma waslet…xorta waħda kellu jaċċettaha lura qisu qatt ma ġara xejn.

L-editur insista li huwa ċar li Abela kellu jbaxxi rasu u jċedi.

Dan filwaqt li saħaq li d-deċiżjoni biex il-Labour ibiddel l-istatut tiegħu biex jakkomoda l-kandidati għad-Deputy Leadership hija taħwida kbira – li kollox jiddependi skont l-aptit u mhux fuq il-prinċipji.

Fl-editorjal jintqal li din il-bidla waslet wara li lill-Abela qal li se joħroġlu Jason Micallef, b’Micallef minflok jingħata kariga bħala delegat speċjali biex jara li jitwettaq il-Manifest Elettorali…kariga li anke l-editur tal-Independent insista li se tkun qed taħbat u xxekkel mar-Responsabbilta tal-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi.

Finalment, l-editur saħaq li dan kollu juru li fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista hemm stat ta’ konfużjoni qawwija liema taħwid donnu se jkompli għaddej għal bqija tas-Sajf kollu.