Folol kbar ta’ sostenituri tal-Oppożizzjoni mill-ġdid mexxew il-protesti kontra l-aħħar rebħa elettorali tal-President Nicolas Maduro. Rebħa li qed tidher dubjuża minbarra li riżultat ta’ proċess immanipulat mill-Kummissjoni Elettorali tal-pajjiż li l-uffiċjali tiegħu huma alleati tat-Tmexxija f’Karakas.
L-għajta tan-nies kienet li Maduro seraq l-elezzjoni u biex hu ‘jammetti t-telfa’ ħalli l-pajjiż jaqbad direzzjoni ġdida wara snin ta’ kaos, vjolenza u ripressjoni. Il-folol, fost l-għajjat kontinwu, irrepetaw li pajjiżhom hu ‘mmexxi minn Gvern kriminali li jrid ikompli fil-poter akkost ta’ kollox’.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni, María Corina Machado, kienet fost l-eluf tad-dimostranti f’Karakas u fejn ħeġġet lin-nies biex ma jibżgħux ‘mill-preżent u l-futur’. Hi sostniet li ‘ħadd ma għandu leħnu aktar qawwi minn tal-poplu’ u li ċ-ċittadini jridu jaraw bidla totali fl-amministrazzjoni tal-Veneżwela.
Machado u d-dimostranti tal-Oppożizzjoni huma determinati li jkomplu bil-protesti, bin-nies ixejru l-kopji tar-rekords elettorali li ttieħdu mill-postijiet tal-votazzjoni bħala dimostrazzjoni li ‘Maduro qed iqarraq bil-poplu’.
Sadanittant – u waqt li l-eluf qed iżidu l-pressjoni fuq Maduro – il-pulizija u l-membri tal-Armata fl-aħħar sigħat kienu fuq allert sħiħ waqt li s-sostenituri tal-President ukoll organizzaw il-kontrodimostrazzjonijiet fil-kapitali.
//= $special ?>