Internazzjonali

Ir-Russja: Evakwazzjonijiet kontinwi…fost it-tamiet li l-inkursjoni tal-Ukreni tbiddel id-dinamika tal-gwerra

L-offensiva tal-qawwiet Ukreni fir-Russja, illum, aktar minn qabel, qed twassal il-messaġġ li l-poplu Russu qiegħed ibati l-konsegwenzi tal-gwerra dovuta għall-invażjoni tal-Ukrajna, fl-2020, mill-Armati tal-President Vladimir Putin.

It-truppi Ukreni, fl-aħħar jiem, ħatfu diversi zoni fir-Russja u wara li għelbu kull reżistenza tal-militar Russu f’sitwazzjoni imbarazzanti għall-Kremlin f’Moska.

U waqt li wieħed irid jara kemm l-Ukreni se  jirnexxilhom ikomplu javvanzaw ’il ġewwa fir-Russja, il-filmati tal-mijiet tas-suldati Russi qed iċedu quddiem il-furja tal-avversarji – minbarra l-eluf tal-evakwazzjonijiet mill-artijiet mal-fruntiera – huma prova biżżejjed li l-kampanja militari ta’ Kiev irnexxiet bis-sħiħ, irrispettivament minn dak li jista’ jseħħ matul il-ġranet li ġejjin.

L-aħħar rapporti qalu li ’l fuq minn 3,000 ċivili Russi kienu evakwati mir-reġjun ta’ Kursk fil-Punent tar-Russja, f’perjodu ta’ 24 siegħa. Dan meta l-evakwazzjonijiet mistennija jkomplu b’ritmu regolari matul is-sigħat li jmiss, bl-Armata Ukrena qed tikkonċentra fuq dejjem aktar zoni fir-Russja.

Il-Ministeru Russu responsabbli mis-sitwazzjonijiet ta’ emerġenza sostna li ’l fuq sew minn 12,000 ċittadin Russu li ħarbu mill-inħawi ta’ Kursk ingħataw residenza qalb iċ-ċentri għall-akkommodazzjoni temporanja… Ċentri li jinsabu lil hinn minn Kursk u r-reġjun ta’ Belgorod fejn ukoll qed isiru l-inkursjonijiet tat-truppi Ukeni.

L-awtoritajiet Russi issa qalu li l-offensiva tal-Ukreni f’arthom, tul l-aħħar jiem, irriżultat fl-evakwazzjoni ta’ ’l fuq minn 120,000 ċivili… Sitwazzjoni li nisslet sens qawwi ta’ xokk u paniku fost il-popolazzjoni Russja li qatt ma bassret li hi, l-istess bħall-Ukreni, kellha dduq it-terrur tal-kunflitt li ilu għaddej għal aktar minn sentejn.

Fil-fatt, kelliema fir-reġjun ta’ Kursk ammettew li ħadd qatt ma stenna li dan it-tip ta’ kunflitt kien possibbli fir-reġjun partikolari.

Filwaqt li l-kelliema huma attenti li ma jikkritikawx lil Putin u l-Kremlin dwar il-gwerra huma ammettew dwar ‘il-konfużjoni u l-biża’ tal-mijiet taċ-ċittadini li qed jirrilokaw miz-zoni tar-Russja (inkluż Kursk) li, illum, inbidlu fi fronti tal-gwerra.

Fl-aħħar jiem, il-qawwiet Ukreni ħatfu l-kontroll f’diversi villaġġi waqt li l-militar Russu deher għalkollox diżorganizzat u nieqes mis-sistemi tal-kmand koordinati.

U ċ-ċirkustanzi, fosthom l-eżodu tal-eluf kbar ta’ Russi mill-bliet u l-villaġġi, se jibqgħu mfakkrin bħala l-akbar attakk fuq ir-Russja mindu l-qawwiet Nazisti ta’ Adolf Hitler, fl-1941, invadew l-Eks Unjoni Sovjetika, waqt l-eqqel tat-Tieni Gwerra Dinjija.

Intant, wieħed, ’il quddiem, irid jara kemm il-militar Russu se jirnexxilu jitfa’ lura lill-Armata Ukrena li kkonsolidat postha f’Kursk u l-madwar.