Lokali

Skont ir-rekords mediċi kien ilu mejjet 3 xhur – waqt li ħallas it-taxxa, siefer u mar jivvota

“Qaluli li kont ili mejjet 3 xhur”

Dikjarazzjoni xokkanti ta’ raġel li tkellem mal-gazzetta the Sunday Times of Malta hekk kif wara li mar għal sempliċi check up f’poliklinika xahrejn ilu… qalulu li skont ir-rekords mediċi tiegħumkien imniżżel li kien ilu mejjet minn Marzu.

Dan ir-raġel flimkien ma’ persuni oħrajn ilkoll jaqsmu ħaġa waħda komuni… li kellhom l-identità tagħhom misruqa tant li saħansitra d-dokumenti mediċi tagħhom, dokumenti uffiċjali li għandhom taħt isimhom fl-isptarijiet pubbliċi, qed jużahomlhom ħaddieħor b’mod qarrieqi u frawdolenti, b’mod allegatament sistematiku.

Persuni oħrajn, anke żvelati mill-Avukat Jason Azzopardi, qed juru li fl-aħħar xhur u snin attendew għal operazzjonijiet jew li jsofru minn kundizzjoni  serja – fatti li mhuma vera xejn, fatti li jkomplu jsaħħu t-teorija li hemm min qed juża identità misruqa mingħand iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.

Filwaqt li l-gazzetta żvelat li dawn l-għalissa hekk imsejħa anomaliji qed jiġu investigati mill-Kummissarju tad-Data Protection, diversi nies li tkellmu mat-Times saħqu li jinsabu xxokkjati u bla kliem.

Fosthom raġel li għandu fuq it-tletin sena u li b’ċikka sar jaf li skont ir-rekords mediċi tiegħu, ilu mejjet tliet xhur. Huwa saħaq li jaf kien żball ġenwin, iżda huwa żball vera stramb hekk kif waqt li kien immarkat li huwa mejjet, huwa siefer, irċieva l-paga, ħallas it-taxxa, irċieva d-dokument tal-vot… u saħansitra mar jivvota.

Dan kollu fl-isfond tal-iskandlu tal-ID Cards żvelat mill-Avukat Jason Azzopardi, skandlu li allegatament jinvolvi mat-18,000 ID Card falza.

Skandlu li issa donnu qed jikxef skandlu ieħor, dawk tal-appuntamenti hekk imsejħa fantażma, appuntamenti għal persuni li qed jadottaw identità ta’ ħaddieħor.

Dan ifisser li jekk persuna tmur rikoverata l-Isptar Mater Dei jaf ikollha rekords mediċi tagħha ħżiena… li jaf iwasslu għal konsegwenzi serji jekk mhux fatali.

Intant, meta t-Times kellmet lill-Ministru Jo Etienne Abela, huwa saħaq li jinsab inkwetat ferm bis-sitwazzjoni iżda b’mod surreali qal li se jagħti titwila lejn dawn il-każijiet għax ħadd ma kelmu dwarhom.

Finalment l-Awtorità Identità kompliet tikxef aktar it-taħwid li allegatament hemm hekk kif saħqet li la għandha kontroll u wisq aktar responsabbiltà għal verifikar tad-data fis-sistema tal-appuntamenti f’Mater Dei.

Dan filwaqt li ċċarat li s’issa ma rċeviet ebda ilment simili.