Tħabbret il-mewt ta’ Lorenzo Vella, il-Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, fl-età ta’ 43 sena.
Vella kien ilu jservi f’din il-kariga minn Marzu 2023 hekk kif tul il-karriera tiegħu serva f’diversi karigi fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea.
Fost dawk li sellmu l-memorja tiegħu kien hemm il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech li qal li jinsab imnikket bil-mewt ta’ Lorenzo Vella. Waqt li għadda l-kondoljanzi lil qraba tiegħu f’dawn il-mumenti diffiċli.
Il-President tal-Parlament Ewropew u Membru Parlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola, kienet ukoll fost dawk li sellmu lil Vella fejn saħqet li tinsab b’qalbha maqsuma.
Hija saħqet li fl-irwoli kollha li serva dejjem spikka bħala diplomatiku u leader b’dedikazzjoni kbira għal xogħlu.
Hija saħqet li anke tul l-aħħar xhur issielet b’kuraġġ u determinazzjoni u esprimiet il-fatt li ċertament se tkun qed tħoss in-nuqqas tiegħu, mhux hi biss iżda anke l-Ewropa.
Waqt li l-Partit Nazzjonalista qal li Lorenzo Vella dejjem serva bid-diplomazija u r-reqqa li rrikjedew il-karigi li kien fiduċjat bihom u t-telfa tiegħu se tinħass żgur fl-isferi kollha Ewropej.
Lorenzo Vella kien ukoll fost dawk il-midruba fl-attakk terroristiku li seħħ lura fl-2016 fil-kapitali Belġjana ta’ Brussell meta sfortunatament kien intlaqat minn ħadid wara l-isplużjonijiet li seħħew f’Marzu ta’ 8 snin ilu fl-ajruport u fi stazzjon ċentrali tal-metro.
//= $special ?>