Brian Farrugia huwa kitarrista li f’dawn l-aħħar ġimgħat għadu kemm nieda kanzunetta ġdida ‘Aunt Sally’, l-ewwel kanzunetta mill-album li qed jaħdem fuqu bħalissa li mistenni joħroġ is-sena ddieħla.
Fil-passat, Brian Farrugia kien idoqq mal-band 4th Wall u wara kien waqqaf il-band tiegħu bl-isem ta’ No Red Tape li kienet idoqq covers versions, liema band kienet ukoll supporting act ta’diversi bands barranin li daqqew f’Malta. Wara t-tmiem ta’ No Red Tape, Brian għamel madwar 10 snin wieqaf iżda sena ilu tana l-kanzunetta ‘Warda Ħamra minn ġol Ġnien’ li kienet milqugħa tajjeb tant ukoll li daħlet fl-aqwa għaxra tal-klassifika Maltija.
Il-pupa li fl-1820 hekk imsejħa Aunt Sally, saret terminu li għadu jintuża llum għal xi ħadd jew xi ħaġa li hija mira faċli għal abbuż jew attakk. Din il-kanzunetta hija dwar l-abbuż fuq Omm l-art, f’ħafna modi… gwerra, tibdil fil-klima, in-nies fil-poter u l-invażjoni fuq pajjiżi oħra, il-ġuħ u dak kollu li hu abbużiv.
Mużikalment hija kanzunetta tajba li tinżillek tajjeb mal-ewwel darba li tismagħha. Bla dubju fiha element ta’ ħoss rock progressiv b’influwenzi tal-mużika tal-Pink Floyd, l-element għal qalb Brian Farrugia li kiteb din il-kanzunetta flimkien ma’ Luke Grech. Il-lirika hija ta’ Brian Farrugia li jkanta din il-kanzunetta. Hemm ukoll il-vuċi ta’ Janice Debattista.
‘Aunt Sally’ ġiet prodotta minn Luke Grech f’Corner House Studios. Il-vidjo ta’ ‘Aunt Sally’ li jikkumplimenta tajjeb mal-ħsieb tal-kanzunnetta, hu maħdum minn Brian Farrugia stess.
S’issa ‘Aunt Sally’ kellha kważi kwart ta’ miljun views fuq YouTube mill-bidu ta’ Lulju.
//= $special ?>