Erba’ persuni Maltin, kollha nisa, li fil-jiem li għaddew kienu l-Kenja bħala parti mill-grupp volontarju tal-Fondazzjoni U biex jagħmlu esperjenza missjunarja waqt li jżuru wkoll familji u tfal f’zoni foqra tal-pajjiż bi tħejjija għal maratona ta’ ġbir ta’ fondi b’risq missjunarji Maltin f’dan il-pajjiż, irnexxielhom isalvaw tarbija minn mewta ċerta hekk kif waqt vjaġġ bil-vann li kienu qed jivvjaġġaw bih minn post għall-ieħor semgħu l-biki ta’ tarbija f’idejn tifla.
Dawn in-nisa Maltin – Myra, Marica u Gertrude, flimkien ma’ Mariella, fundatriċi tal-organizzazzjoni Maltija Love & Peace – waqfu fil-pront u niżlu mill-vann biex jaraw kienx hemm bżonn xi għajnuna. Irriżulta li t-tifla ta’ 14-il sena fil-fatt kienet omm it-tarbija, li ma kinetx taf kif kienet se tikkuraha.

It-tifla rrakkuntatilhom li ta’ 13-il sena, peress li kienet il-kbira tal-familja, sabulha raġel biex jiżżewwiġha u jkun jista’ jmantni lil ħutha. Stejjer komuni ħafna f’pajjiż bħal dan fejn dawn it-tfal jgħaddu minn ħafna abbużi sesswali u vjolenti.
Din it-tifla ta’ 13-il sena spiċċat ħarġet tqila u llum għandha tarbija ta’ sena li meta sabuha dawn il-Maltin, kienet fi stat ta’ saħħa gravi ħafna. Bilkemm kienet tista’ tieħu nifs u filwaqt li kellha sena, id-daqs tagħha kien qisha ta’ tarbija tat-twelid.
L-omm kompliet tirrakkonta li meta kienet waslet biex twelled (dawn ovvjament iwelldu fl-għarix fqir li jgħixu fih), xi wħud tawha l-parir biex tibda timxi biex b’hekk it-twelid ikun inqas ta’ tbatija… u t-tifla bdiet miexja u hekk kif kienet miexja ma rrealizzatx li kienet waslet fl-aħħar u fil-fatt it-tarbija twieldet u sfortunatament waqgħet u ħabtet rasha mal-art. Konsegwenza ta’ hekk u anki minħabba malnutrizzjoni kawża tal-faqar assolut tal-omm, din it-tarbija żviluppat sintomi ta’ epilessija. L-omm, anki peress li għadha fl-età ta’ adolexxenti, treddagħha darba waħda biss f’ġurnata sħiħa. Meta nstabet mill-grupp ta’ Maltin kienet qed tħarħar u tbati ħafna biex tieħu n-nifs. Kienet fil-periklu li titlef ħajjitha minn ħin għall-ieħor.
L-iktar ħaġa urġenti kienet li b’xi mod din it-tarbija – li ngħatat l-isem ta’ Catherine – titwassal fl-eqreb sptar. Wara vjaġġ ta’ xi tliet sigħat, bil-vann li kienu qed jużaw il-Maltin, it-tarbija twasslet fl-isptar ta’ Ngong akkumpanjata wkoll minn ommha u n-nanna tagħha.

Mal-ewwel eżami ta’ malajr li għamlulha, it-tobba daru fuq il-Maltin u qalulhom illi kieku ma ġabux lit-tarbija dak il-ħin stess lanqas kienet se tgħix sa filgħaxija. Sabu wkoll li Catherine kellha wkoll infezzjoni kbira fil-pulmun (pneumonia) u li mingħajr kura immedjata ma setgħetx tgħix.
Il-Maltin ħallsu għat-trattament tagħha u ma telqux mill-isptar sakemm aċċertaw ruħhom li se tkun f’idejn tajba u li se tingħata l-kura kollha li kellha bżonn. Qabel telqu wegħdu lit-tmexxija tal-isptar li minn Malta kienu se jibqgħu jibagħtu l-flus għal dak kollu li jista’ jkollha bżonn it-tarbija sakemm tirkupra saħħitha.
Illum, ħmistax-il jum wara, għandhom informazzjoni li t-tarbija Catherine tinsab f’kundizzjoni ferm aħjar minn kif sabuha u ħallewha qabel bdew il-vjaġġ lura lejn Malta.
Waħda minn dawn il-Maltin li salvaw lil din it-tarbija, Mariella Calleja Whelen, diġà għamlet l-arranġamenti meħtieġa biex f’Settembru li ġej terġa’ tmur il-Kenja u ssegwi mill-qrib l-iżvilupp ta’ Catherine u wkoll ta’ ommha.
L-organizzazzjoni Maltija Love & Peace, immexxija minn Mariella Calleja Whelen, bħalissa qed tieħu ħsieb ukoll il-bini ta’ orfanatrofju biex jikkumplimenta ‘safe house’ għal tfajliet abbużati. L-orfanatrofju se jkun qed jilqa’ fih tfal iżgħar subien u bniet biex ma jispiċċawx weħidhom jiġġerrew fil-perikli tat-toroq u probabbilment abbużati b’kull mod. It-tfal ikunu provduti b’dak kollu meħtieġ għalihom, inkluż l-edukazzjoni.
L-istorja ta’ Catherine u ta’ ommha Patricia se tkun waħda mill-istejjer rakkuntati f’aktar dettall anki b’filmati tat-tarbija u ommha waqt il-maratona Il-Missjoni Bżonnok, organizzata mill-Fondazzjoni U, li se tixxandar fuq l-istazzjonijiet televiżivi lokali, inkluż Net Television, fit-13, 14 u 15 ta’ Settembru li ġej.
Matul dawn it-tlett ijiem it-telespettaturi se jkunu mitluba jċemplu u jagħtu d-donazzjoni tagħhom biex Catherine u tfal oħra bħalha fil-Kenja u f’pajjiżi oħra fejn hemm il-preżenza ta’ missjunarji Maltin, ikunu megħjuna biex isalvaw kemm jistgħu tfal bħal dawn billi jipprovdulhom ikel nutrittiv, ilma nadif, il-kura li jkollhom bżonn u l-edukazzjoni tant meħtieġa biex jittamaw f’futur aħjar.
//= $special ?>