Lokali

Filwaqt li Byron Camilleri għadu fil-muta, Agius Galea jgħid li jekk hemm abbuż dan irid jitwaqqaf

“Allaħares qatt hemm abbuż, dan irridu nwaqqfuh.”

Hekk stqarr ma’ Net News is-Segretarju Parlamentari fi ħdan il-Ministeru tas-Saħħa, Malcolm Paul Agius Galea meta kien qed jiġi mistoqsi dwar ir-rapporti ta’ taħwid fir-rekords mediċi, b’persuna qed tallega li waqt check-up f’poliklinika qalulu li skont il-files tagħhom, hu suppost ilu mejjet tliet xhur.

Dan ir-raġel flimkien ma’ persuni oħrajn ilkoll jaqsmu ħaġa waħda komuni – li kellhom l-identità tagħhom misruqa tant li saħansitra d-dokumenti mediċi tagħhom, dokumenti uffiċjali li għandhom taħt isimhom fl-isptarijiet pubbliċi, qed jużahomlhom ħaddieħor b’mod qarrieqi u frawdolenti, b’mod allegatament sistematiku.

Persuni oħrajn, anke żvelati mill-Avukat Jason Azzopardi, qed juru li fl-aħħar xhur u snin attendew għal operazzjonijiet jew li jsofru minn kundizzjoni  serji – fatti li mhuma vera xejn, fatti li jkomplu jsaħħu t-teorija li hemm min qed juża identità misruqa mingħand iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.

B’Agius Galea jindika li ma jistax jifhem x’qed jiġri eżatt f’din is-sitwazzjoni tant li qed tinkwetah.

Huwa kompla jgħid li filwaqt li tkellem mal-Ministru tas-Saħħa, JoEtienne Abela, ma jħossx li dawn huma każi veri iżda biss allegazzjonijiet. U dan minkejja provi ċari li ġew ippublikati kemm mill-midja lokali u anke fuq il-midja soċjali.

Iżda minkejja dan, huwa ħeġġeġ kemm-il darba lill-Gvern biex tinfetaħ investigazzjoni u dawk responsabbli jerfgħu r-responsabbiltà.

Dan kollu meta ġew żvelati dettalji, fosthom minn Net News stess, li mill-aġenzija Identità, allegatament inħarġu eluf ta’ dokumenti foloz, b’uħud saħansitra dduplikati dawk tal-Maltin. Issa għaddew il-ġimgħat minn mindu sirna nafu dan u iktar, bil-Ministru responsabbli Byorn Camilleri għadu fil-muta.