Lokali

“Għaddiet ġimgħa: Fejn hi l-investigazzjoni interna li għamlet Identità?” – PN

Għaddiet ġimgħa minn meta l-Partit Nazzjonalista talab sabiex Identità tippubblika l-investigazzjoni interna li qalet li saret dwar l-iskandlu tal-ħruġ ta’ karti tal-identità u b’reazzjoni għat-tnedija ta’ Inkjesta Maġisterjali, iżda sal-lum għadna bla risposta.

Hekk sostna Darren Carabott, ix-Shadow Minister għall-Intern, is-Sigurtà u r-Riformi, fi stqarrija fejn spjega kif il-Partit Nazzjonalista qed jerġa’ jesiġi li hemm bżonn ta’ trasparenza, kontabbiltà u responsabbiltà għal dak li seħħ, fejn hemm numru ta’ persuni li ġew irreġistrati bi frodi bħala residenti fuq indirizzi ta’ proprjetajiet ta’ persuni oħrajn u mingħajr il-kunsens tagħhom. Sal-lum, għalkemm Identità semmiet din l-investigazzjoni interna, għadna ma rajnihiex.

L-oneru tal-prova fuq dan kollu jaqa’ fuq Identità u fuq il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri, kompla jgħid Darren Carabott.

Ix-Shadow Minister għall-Intern, is-Sigurtà u r-Riformi kompla jgħid li minbarra dan, il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jfakkar fil-bżonn immedjat li l-Gvern iniedi servizz jew pjattaforma li permezz tiegħu sidien ta’ proprjetajiet ikollhom aċċess biex jaraw kemm-il persuna u min huma l-persuni rreġistrati ma’ Identità bħala residenti fuq l-indirizz tal-proprjetà tagħhom. Din is-sistema tista’ anke tgħin lil persuni biex jersqu ‘l quddiem u jirrappurtaw f’każ ta’ reġistrazzjoni ta’ residenza falza.

Il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jappella biex kull min irċieva posta f’isem persuni li ma joqogħdux magħhom, u għalhekk possibbilment dawk il-persuni jkunu ġew irreġistrati bi frodi fuq dak l-indirizz, jagħmlu kuntatt mad-Deputati tal-Partit Nazzjonalista.