Raġel intbagħat il-ħabs u ntbagħat jagħmel riabilitazzjoni wara li ammetta li nhar is-Sibt li għadda wettaq serqa vjolenti f’ħanut tal-merċa fil-Gżira, allegatament biex jiffinanzja l-vizzju tiegħu ta’ €7,000 fix-xahar tal-kokaina.
L-ispettur tal-pulizija Darryl Farr, assistit mill-prosekutur Clive Aquilina, ressaq lil Wyatt Zammit quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace nhar it-Tnejn. Zammit, ta’ 37 sena minn Santa Lucija, ġie mixli b’serq aggravat bi vjolenza, valur u ħin. Zammit ġie mixli wkoll li żamm illegalment il-kaxxiera femminili tal-ħanut u li kkaġunalha biża’ li se tkun suġġetta għal vjolenza.
Huwa ġie akkużat ukoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest li ġew imposti f’Lulju ta’ din is-sena meta kien tressaq il-Qorti fuq akkużi mhux relatati. Huwa mifhum li l-pulizija kienet irċeviet telefonata mill-ħanut fil-Gżira għall-ħabta tad-9pm tas-17 ta’ Awwissu, u rrappurtat li kien għadu kemm seħħ hold-up fil-ħanut inkwistjoni.
Il-pulizija, flimkien mal-ispettur Farr kienu marru fuq il-post u ġabru filmati tas-CCTV, li minnhom irriżulta li s-suspettat, li ma ppruvax jaħbi l-identità tiegħu, jista’ jkun Zammit. Huwa mbagħad ġie arrestat nhar il-Ħadd.
Sorsi qalu li wara li ħalla xerrej preċedenti jitlaq, Zammit kien mexa mal-bank u mbotta lill-kaxxier ma’ ħajt, qabel ma kompla jgħin lilu nnifsu għall-kontenut li kien hemm fil-‘cash register’. L-ebda armi ma huma maħsuba li ntużaw waqt is-serqa.
Waqt tfittxija li saret fid-dar tat-tfajla tiegħu, il-Ħadd stess, il-pulizija sabet il-ħwejjeġ simili għal dawk li ntlibsu mis-suspettat waqt is-serqa. Il-mottiv wara s-serqa huwa maħsub li huwa l-finanzjament tal-konsum ta’ Zammit għal kokaina, fejn allegatamet hu kien qed jonfoq madwar €7,000 kull xahar għal din id-droga.
Qabel ma bdiet is-seduta, il-partijiet tħallew jersqu lejn is-sedja tal-Maġistrat, fejn iddiskutew il-każ mal-maġistrat għal diversi minuti. Wara li r-rappreżentanti tal-partijiet irritornaw fil-postijiet tagħhom fl-awla, Zammit, li qal lill-Qorti li kien bla xogħol, wieġeb ħati tal-akkużi.
Fid-dawl tal-ammissjoni tiegħu ta’ ħtija, il-Qorti pproċediet biex timponi sentenza ta’ priġunerija għal sentejn, u ordnat li tħallas multa ta’ €500. Il-Qorti kkonfiskat €2,500 li kien ipprovda bħala garanzija għall-ħelsien mill-arrest minbarra l-multa. Zammit tpoġġa taħt ordni ta’ trattament ta’ tliet snin u ġie ordnat jirritorna l-€436 li kien seraq fi żmien sitt xhur. Inħarġet ordni ta’ protezzjoni ta’ tliet snin favur il-kaxxier u sid il-post.
“Ma tistax tavviċina jew tkellem lil dawn in-nies,” wissiet il-Qorti. “Jekk għandek bżonn tagħmel dan, kellem lill-avukat tiegħek jew lill-ispettur tal-pulizija.”
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Prosekutur Clive Aquilina flimkien mal-ispettur tal-pulizija Darryl Farr, filwaqt li l-avukat Ilona Schembri assistiet lil Zammit bħala avukat tal-għajnuna legali.
//= $special ?>