Is-sostenibbiltà ma tiġix permezz tal-kwantità, iżda permezz tal-kwalità.
Ħafna ilhom jgħiduha din il-frażi, iżda l-Gvern qed jibqa’ jirrifjuta li jagħti kasha; tant li hemm biża’ li pajjiżna jispiċċa jikkrolla – inkluż is-settur tant importanti tat-turiżmu.
Fil-fatt, diġà qed naraw kif l-ammont ta’ persuni li żaru Malta għal perjodu qasir ta’ żmien ma jirriflettix l-ammont ta’ kmamar ta’ lukandi li żdiedu.
Tefa’ dawl fuq din is-sitwazzjoni l-editorjal tat-Times of Malta li fakkar kif l-impatt ekonomiku mhux qiegħed fl-istess livell tal-impatt ambjentali u soċjali. Bl-editur ifakkar li jeħtieġ viżjoni fit-tul, bħalma ilu jappella l-Partit Nazzjonalista, li twassal biex naraw turisti ta’ kwalità li verament iħallu xi ħaġa lil pajjiżna.
It-Times tgħid li fl-aħħar xhur, l-Awtorità tal-Ippjanar approvat mad-99 applikazzjoni sabiex jinbnew lukandi jew ikun hemm estensjoni ta’ lukanda eżistenti. Bl-editorjal jistaqsi x’inhuma l-pjanijiet għad-dranaġġ, l-enerġija u l-ħaddiema. U jekk qatt kien hemm xi forma ta’ ħsieb għal dan it-tkabbir.
Dan kollu fid-dawl tal-fatt li l-Awtorità tal-Ippjanar qed tagħti l-ġenb lil kull rakomandazzjoni u tibqa’ tapprova l-applikazzjonijiet qisu xejn mhu xejn. Applikazzjonijiet li qed jiġu appellati hekk kif saħansitra raw it-twaqqieh ta’ djar antiki; xi ħaġa li sabet l-oġġezzjoni tas-Supretendent tal-Wirt Kulturali.
Fl-aħħar jiem kien hemm anke l-President tal-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u r-Ristoranti, Tony Zahra li wissa li dawk li qed jinvestu, fil-futur se jsibuha impossibbli li jimlew il-kmamar kollha fil-lukanda tagħhom u wisq iktar diffiċli li jikruhom b’rata raġjonevoli. B’riżultat li se jispiċċaw jaraw telf minflok profitt.
//= $special ?>