Kummerċ Lokali

Il-BOV jniedi Fondazzjoni ġdida għar-responsabbiltà soċjali korporattiva

Tragward ieħor fl-istorja ta’ 50 sena tal-bank

Il-Bank of Valletta għadu kif nieda fondazzjoni ġdida, il-Fondazzjoni Bank of Valletta (BOV), organizzazzjoni li ma tagħmilx qligħ immirata primarjament biex bl-operat tagħha jibbenefikaw il-pubbliku kif ukoll is-soċjetà Maltija inġenerali. Il-Fondazzjoni tnediet waqt konferenza stampa ppreseduta miċ-Chairman tal-BOV, Gordon Cordina, u l-Kap Eżekuttiv, Kenneth Farrugia, li ffirmaw l-att. Preżenti kien hemm ukoll Ernest Agius, Chief Operations Officer tal-BOV responsabbli mill-programm ta’ Responsabbiltà Soċjali Korporattiva (CSR) tal-Bank, kif ukoll membri tal-Bord tal-Amministraturi tal-Fondazzjoni.

L-impenn komunitarju u l-filantropija korporattiva dejjem kienu prijorità ewlenija għall-Bank tul l-istorja tiegħu ta’ 50 sena, impenn li ġie kkonsolidat lura fl-2005 bit-twaqqif tal-Programm Komunitarju tal-BOV. Matul is-snin, il-Bank kellu rwol attiv biex jagħmel impatt pożittiv fuq is-soċjetà Maltija, u t-twaqqif ta’ din il-Fondazzjoni ġdida hija konsolidazzjoni ta’ dawn l-isforzi kollha. L-iskop tal-Fondazzjoni huwa li timplimenta l-Istrateġija tal-Bank dwar is-CSR ibbażata fuq ħames pilastri: l-appoġġ lill-membri vulnerabbli tas-soċjetà Maltija, it-trawwim ta’ edukazzjoni ta’ kwalità, il-ħarsien tal-wirt Malti, il-promozzjoni ta’ kondotta etika u responsabbli, u l-ħarsien tal-ambjent.

L-amministrazzjoni u t-tmexxija tal-Fondazzjoni Bank of Valletta (BOV) se jkunu fir-responsabilità tal-Bord tal-Amministraturi tal-Fondazzjoni. Il-Bord se jamministra l-assi tagħha u jiżgura li l-għanijiet stabbiliti mill-Fondazzjoni jintlaħqu. Il-Bord tal-Amministraturi huwa magħmul minn Martin Galea (Chairperson), Ernest John Agius, Godfrey Swain, Antoinette Caruana u Anita Mangion.

Insostnu l-impenn tagħna lejn is-soċjetà Maltija – Gordon Cordina, Chairman

Waqt li kien qed jitkellem waqt l-iffirmar, Cordina sostna li, “l-Bank of Valletta dejjem kellu rwol kritiku fit-tiswir tal-ekonomija Maltija, aktar u aktar illum bħala Bank ta’ importanza sistemika li jagħti servizz lil persentaġġ kbir tal-popolazzjoni. B’għeruq fondi f’ħafna aspetti tas-soċjetà Maltija, il-komunitajiet li noperaw fihom jibqgħu partijiet importanti għalina. Il-Fondazzjoni BOV hija pass ieħor fid-direzzjoni t-tajba fl-isforzi tagħna biex inkunu mexxejja u innovaturi fis-settur finanzjarju, u katalisti għal bidla pożittiva.”

Nikkontribwixxu għall-bżonnijiet usa’ tal-komunità – Kenneth Farrugia, Kap Eżekuttiv

Il-Kap Eżekuttiv, Kenneth Farrugia, elabora f’aktar dettall tant li sostna li, “ħames deċennji ta’ servizzi bankarji ppermettew lill-Bank tagħna jsawwar affiljazzjoni importanti u magħquda mal-ekonomija Maltija, billi jagħti servizz lill-klijenti personali u kummerċjali fil-proċess u jikkontribwixxi minn perspettiva ta’ responsabbiltà soċjali għall-ħtiġijiet usa’ tal-komunità. It-twaqqif ta’ din il-Fondazzjoni hija dikjarazzjoni ta’ intenzjoni kuraġġuża mill-Bank. Qed nibnu fuq is-suċċessi tagħna, insaħħu l-Bank fuq diversi fronti, u fl-istess ħin niżguraw li s-soċjetà tieħu l-benefiċċju ta’ dan is-suċċess.”

Fondazzjoni mibnija fuq il-programm tal-Bank għall-komunità – Ernest Agius, COO

“Il-programm tal-Bank of Valletta dejjem offra appoġġ tanġibbli għal diversi aspetti tal-ħajja tal-komunità. Permezz ta’ din il-Fondazzjoni se nkomplu nappoġġjaw lin-nies fil-bżonn, nassiguraw livell adegwat ta’ saħħa u kwalità tal-ħajja. Se nkunu qed navviċinaw ukoll l-edukazzjoni b’mod ħolistiku biex insaħħu l-litteriżmu finanzjarju, nippreservaw u nippromwovu x-xogħol fis-setturi artistiċi, kreattivi u arkitettoniċi, nippromwovu kondotta etika u responsabbli flimkien ma’ alleanzi kummerċjali u sportivi, u nkunu ta’ eżempju fis-sostenibbiltà billi nfasslu prodotti u inizjattivi mmirati li jissalvagwardjaw l-ambjent.”

Inizjattiva ġdida mill-aktar eċċitanti – Martin Galea, Chairperson tal-Fondazzjoni BOV

Meta tkellem dwar il-ħatra tiegħu, Martin Galea qal, “Ninsab kburi li ġejt maħtur bħala Chairperson tal-Fondazzjoni BOV. Huwa żmien eċċitanti biex inkun qed inmexxi din l-inizjattiva, u nistenna bil-ħerqa li nara l-impatt pożittiv li l-Fondazzjoni se jkollha fuq is-soċjetà Maltija.”