Il-familja ta’ Nicolette Ghirxi qed titlob biex issir Inkjesta Indipendenti dwar il-qtil ta’ Nicolette għax hekk biss jista’ jkun magħruf kif l-Istat falla fil-konfront tagħha.
Hekk ħabbar l-Avukat ta’ Ghirxi, Joseph Borda ġimgħa wara li Nicolette Ghirxi fl-eta ta’ 48 sena nstabet mejta fl-appartament tagħha fis-Swatar.
L-Avukat Borda saħaq ukoll li l-Prim Ministru Robert Abela kif ukoll il-Ministru tal-Intern Byrone Camilleri għandhom jiftħu Inkjesta simili bħal Inkjesta li nfetħet dwar il-qtil ta’ Bernice Cassar f’Novembru 2022. Hekk kif l-għan ta’ dik l-Inkjesta kien li jkun determinat jekk kienx hemm xi nuqqasijiet mill-Awtoritajiet.
L-Avukat spjega wkoll li l-Inkjesta Maġisterjali li għaddeja bħalissa sservi biss bħala ġabra ta’ evidenza u biex tinġar responsabbiltà kriminali. Però f’dan il-każ il-qattiel huwa ġa mejjet u għalhekk hemm bżonn Inkjesta Indipendenti biex il-familja ta’ Nicolette Ghirxi tkun taf x’wassal għal mewt tagħha u jekk din setgħetx ġiet evitata.
Dan huwa l-unika mod kif nistgħu nsiru nafu kif falla l-istat, żied jgħid l-Avukat Joseph Borda waqt li tenna li din l-inkjesta ma għandha toħloq l-ebda kontroversji hekk kif huwa dritt tal-familja li jkunu jafu x’wassal għall-mewt ta’ Nicolette Ghirxi.
//= $special ?>