Lokali

Jiftħu n-nominazzjonijiet għall-Premju Anzjanità Attiva

Għal sena oħra se tkun qed issir is-serata għall-Premju Anzjanità Attiva fejn numru ta’ persuni se jkunu qed jiġu ppremjati għall-irwol siewi tagħhom fis-soċjetà Maltija.

In-nominazzjonijiet fetħu minn din il-ġimgħa, b’wieħed jista’ jinnonima persuna partikolari f’waħda mis-sitt temi li qed jiġu ppreżentati – il-premju ewlieni tal-anzjanità attiva, dak tal-innovattività, kulturali, sportiva, volontarjat u b’rabta mas-solidarjetà.

Dan il-premju għandu l-għan li jinċentiva iktar anzjani, għandhom kemm għandhom żmien, biex ikomplu jkunu parteċipi fis-soċjetà tal-lum. Xi ħaġa li żżomm lil dak li jkun ħaj kemm fiżikament u anke mentalment.

Waħda miċ-Chairpersons fuq il-bord ta’ dan il-premju, Amy Friggieri, spjegatilna kif din hi inizjattiva li turi kemm l-anzjani jaħdmu għall-ġid ta’ pajjiżna, b’ħafna minnhom jagħmlu dan fis-skiet.

Din l-inizjattiva qed issir taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono.