Sport Waterpolo

Sliema viċin il-kampjonat aktar minn qatt qabel… Marsaxlokk rebħa bogħod mill-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni

(Ritratt: Joseph Galea)

SAN ĠILJAN JP PROJECTS….. 8

SLIEMA FRANK SALT………….. 12

(0-2), (1-3), (4-4), (4-3)

Sliema Frank Salt jinsabu pass bogħod milli jirbħu l-ewwel Kampjonat tas-Sajf wara nuqqas ta’ 15-il sena. B’wirja brillanti, kellhom il-kontroll tal-logħba mill-bidu u ħallew lil San Ġiljan jiġru wara r-riżultat. Aktar minn hekk, din il-logħba uriet verament li Sliema jistgħu jirbħu l-kampjonat f’dik li kienet it-tieni rebħa konsekuttiva kontra l-Ġiljaniżi f’anqas minn ġimagħtejn.

Sliema kellhom l-aqwa bidu possibbli b’żewġ gowls kmieni fil-logħba filwaqt li San Ġiljan tilfu lil Jeremy Abela li ġie eskluż b’sostituzzjoni minħabba li ġie ġġudikat li ta daqqa ta’ sieq waqt azzjoni. Matthew Zammit naqqas id-distakk fit-tieni sessjoni iżda f’ħakka ta’ għajn, Sliema skorjaw tliet darbiet oħra biex daħlu jistrieħu b’vantaġġ tajjeb ta’ 5-1.

Wara li Jayden Cutajar skorja b’xutt preċiż fil-bidu tat-tielet sessjoni, Nikolai Zammit skorja darbtejn u daħħal lil San Ġiljan fil-logħba. Il-logħba saret aktar bilanċjata, b’Sliema ma jitilfu qatt il-vantaġġ li kellhom, b’Liam Galea jkabbar il-vantaġġ għal 9-5 fl-aħħar sekonda tas-sessjoni, bi ġmiel ta’ backhand.

Il-Ġiljaniżi baqgħu xorta jippruvaw għal rimonta li sa dak il-ħin deher diffiċli u naqqsu d-distakk għal żewġ gowls. Benji Cachia żied il-vantaġġ għal 10-7 sakemm wieġeb Nikolai Zammit. Kien gowl ta’ Jamie Gambin żewġ minuti mit-tmiem li temm it-tamiet ta’ San Ġiljan, b’Cachia ssiġilla r-rebħa meta bi bravura qabbeż mid-distanza fuq Jake Tanti.

San Ġiljan: J. Tanti, N. Bugelli, D. Tully, R. Caruana, A. Younger (3), M. Zammit (1), J. Bonavia, J. Zammit, J. Abela, N. Zammit (4), D. Zammit, N. Schiavone, G. Borg, G. Bonavia

Sliema: N. Grixti, E. Schembri (1), L. Galea (3), J. Gambin (1), G. Cannella, B. Cachia (4), J. Cutajar (3), D. Rizzo, J. Brownrigg, A. Galea, Z. Mizzi, D. Zammit, M. Castillo, J. Cassar

Referees: Alex de Raffaele, Fabio Brasiliano

MARSAXLOKK MFF………. 19

EXILES WELBEE’S………….. 12

(7-1), (4-5), (4-3), (4-3)

Marsaxlokk MFF iddominaw l-ewwel finali minn possibbiltà ta’ tlieta u issa jinsabu favoriti netti li jirbħu l-Ewwel Diviżjoni. Fil-ġurnata kienu superjuri għal Exiles Welbee’s u kien biss għal ftit mumenti li r-riżultat kien inċert. Spikka b’mod partikolari ż-żagħżugħ Julian Valletta.

Ironikament kienu Exiles li fetħu l-iskor iżda tripletta ta’ Fran Valera u doppjetti minn Valletta u Ryan Galea taw vantaġġ ta’ 7-1 lil Marsaxlokk fl-ewwel sessjoni. Il-vantaġġ tax-Xlukkajri kiber għal 11-4 sakemm doppjetti minn Kurt Griscti u Drasko Gogov fit-tieni u t-tielet sessjoni, niżżlu d-distakk għal 11-8.

Wara li Keith Tanti wieġeb għall-gowl ta’ Valletta, Marsaxlokk skorjaw tliet gowls konsekuttivi biex aċċertaw mir-rebħa hekk kif bdew l-aħħar sessjoni 15-9. Julian Valletta kabbar il-vantaġġ b’doppjetta, Exiles naqqsu d-distakk għal 17-12 sakemm Russel Spiteri u Max Lanzon issiġillaw ir-rebħa.

Marsaxlokk: M. Farrugia, M. Lanzon (2), A. Cook (1), A. Aquilina, T. Agius, J. Valletta (5), R. Spiteri (1), J. Pawley, R. Galea (4), J. Borg Tabone, F. Valera (5), R. Attard, A. Fava (1), S. Mifsud

Exiles: Z. Dzanovic, Z. Cutajar Licari, Z. Micallef, D. Pace Lupi, M. Martellacci, N. Bonavia, D. Gogov (4), K. Griscti (4), N. Paris, K. Tanti (3), M. Fenech, N. Saliba, G. Galea Curmi, S. Cutajar Casha (1)

Referees: Massimo Angileri, Andrea Zedda

Logħob li jmiss

L-Erbgħa 21 ta’ Awwissu

I Diviżjoni – Play-Off 2 – Exiles vs Marsaxlokk 6.15pm

Kampjonat Premier – Play-Off 2 – Sliema vs San Ġiljan 7.30pm