Investigazzjoni li saret mill-ġurnal awtorevoli Wall Street Journal turi li Steward Healthcare ħallsu xejn anqas minn $250 miljun lill-Kap Eżekuttiv tagħhom Ralph de la Torre waqt li l-kumpanija kienet f’xifer falliment – inkluż f’pajjiżna.
Skont dokumenti li ngħataw bħala parti mill-proċess biex il-kumpanija tkun dikjarata uffiċjalment falluta, Steward stess ikkonfermaw li kien hemm flejjes kbar li daħħal fil-but is-CEO tagħhom.
Apparti minn hekk, il-Wall Street Journal żvela kif waqt li għaddej il-proċess biex Steward tbigħ it-30 sptar li għandha fl-Istati Uniti, Ralph de la Torre kien f’Pariġi jgawdi l-Olimpjadi.
De la Torre huwa l-istess persuna li għandu jott ta’ $40m, dgħajsa ta’ $15m, dar lussuża ta’ $7m f’Dallas, ranch mifrux fuq 2,000 tomna art, kif ukoll żewġ jets privati.
Inċidentalment jew le, Ralph de la Torre kien kiseb sehem maġġoritarju fi Steward Healthcare eżatt malli Robert Abela laħaq Prim Ministru, fl-2020. U minn dakinhar, is-sitwazzjoni kompliet tiddeġenera – kemm fl-isptarijiet Amerikani kif ukoll f’pajjiżna fejn baqa’ ma sarx l-investiment imwiegħed.
Il-Qrati Amerikani għaddejin bi proċeduri kriminali fil-konfront ta’ Steward Healthcare, filwaqt li f’pajjiżna għandna diversi politiċi u uffiċjali għoljin – fosthom l-Eks Prim Ministru Joseph Muscat – li tpoġġew taħt att t’akkuża b’rabta ma’ din is-serqa tal-isptarijiet.
Intant, il-Gvern ta’ Abela għadu sa issa ma ġabx lura imqar ċenteżmu mill-flus li nsterqu minn dan id-deal.
Steward minn naħa tagħhom kienu fetħu proċeduri ta’ arbitraġġ.
Aktar kmieni dan ix-xahar, il-PN appella minn sentenza li ngħatat bħala parti minn proċeduri sabiex l-Avukat tal-Istat jieħu azzjoni, u ma joqgħodx jistenna l-ordni tal-Prim Ministru.
//= $special ?>