Is-sejħa hija ċara: sabiex dawk li għandhom il-poter jisimgħu t-talba tan-nisa li qegħdin ibatu u mhux jistennew sakemm ikun tard wisq. Aġixxu malajr, isimgħuhom u emmnuhom – għax il-prezz huwa għoli wisq.
Hekk saħqet Alessia Cilia, oħt Bernice Cassar li nqatlet minn żewġha fit-22 ta’ Novembru tal-2022 fejn fuq Facebook spjegat kif bħalma ġara lil Bernice, it-talba ta’ Nicolette waqgħet fuq widnejn torox, hekk kif is-sistema falliet milli tipproteġiha; u s-soċjetà ħallietha tfendi għal rasha.
Oħt Bernice Cassar fakkret kif il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà qal li Nicolette Ghirxi ma għamlitx risk assesment, daqslikieku li b’dan in-nuqqas ta’ azzjoni minn naħa tal-vittma, il-Korp mhux responsabbli.
Kien hawn fejn oħt Bernice Cassar staqsiet jekk ir-risk assesment kienx offrut lil Ghirxi wara li din reġgħet għamlet rapport ieħor mal-Pulizija – meta l-eks partner tagħha rritorna Malta.
Alessia Cilia insistiet li l-istatistika mhix biżżejjed, u għandna bżonn risposta dwar dak li sar ħażin; kif mara li kellha l-kuraġġ tagħmel rapport mal-Pulizija spiċċat xorta maqtula? Kif wara l-mewt ta’ oħti Bernice, u issa ta’ Nicolette, qed nibgħqu nisimgħu l-istess retorika?
Oħt Bernice Cassar spjegat kif inkredibbilment Angelo Gafà qed jipprova jiġġustifika l-mewt ta’ Nicolette Ghirxi billi jsemmi n-numru ta’ kemm ġew salvati nisa. Hi tinsisti li xorta trid tinġarr responsabbiltà għall-mewt ta’ dawn in-nisa li ħajjithom setgħet ġiet salvata.
Cilia staqsiet ukoll għalfejn b’mod surreali qed tintefa’ l-ħtija fuq il-vittmi li tilfu ħjjithom għax ma għamlux risk assesment, minflok tintrefa’ responsabbiltà talli ma ngħatawx il-protezzjoni u l-appoġġ li tant kellhom bżonn.
Permezz ta’ post fuq Facebook, Cilia qalet li dawn in-nisa li qed jagħmlu rapport ta’ vjolenza domestika għandhom dritt li jsemmgħu leħinhom u l-awotritajiet għandhom dmir li jisimgħu. Però, minflok, il-vuċi tagħhom qed tintilef qalb il-burokrazzija, l-indifferenza u nuqqas ta’ urġenza.
Oħt Bernice temmet billi esprimiet id-dieqa tagħha għat-telfa ta’ Nicolette Ghirxi u tat il-kondoljanzi lil familja tagħha, hekk kif ma’ kull mewta ta’ mara oħra l-memorji u d-dieqa ta’ meta inqatlet oħtha jerġgħu jitfaċċaw mill-ġdid.
//= $special ?>