Fl-aħħar 11-il sena, il-Gvern Laburista neżża’ lil dik li xi darba kienet l-Awtorità responsabbli mill-ippjanar tal-iżvilupp minn kull diċenza.
Il-Partit Nazzjonalista qal dan fi stqarrija u żied li ilu jisħaq li dik li llum saret Awtorità tal-Permessi laħqet livell ta’ arroganza fejn tħossha ‘l fuq mil-Liġi, tant li tikser il-Liġi, tinjora lill-Uffiċċju tal-Ombudsman, tumilja awtoritajiet oħrajn, bħas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali, tmur kontra l-pariri tal-esperti tagħha stess u issa anke tisfida sentenzi tal-Qrati Maltin li ddikjaraw li ċerti żviluppi huma illegali, assurdi u jiksru l-Local Plans u l-policies tal-Awtorità tal-Ippjanar stess.
Il-Gvern Laburista żarma lil din l-Awtorità mill-kapaċità u l-kompetenza meħtieġa biex tieħu deċiżjonijiet ta’ kwalità u jibqa’ ċass quddiem deċiżjonijiet ħżiena u ksur tad-deċiżjonijiet tal-Qorti. Din is-sitwazzjoni hi art fertili għall-korruzzjoni, fejn min hu l-aktar b’saħħtu jkompli jħawwel.
Kif ikkonferma l-Ombudsman Parlamentari, “illum hija konvinzjoni li kulħadd jista’ jagħmel li jrid għaliex fl-aħħar mill-aħħar bil-magħmudija tal-flus mhux biss jinħaslu d-dnubiet kollha tal-illegalità imma jiġu wkoll kanċellati, għax evitati, regolamenti u liġijiet magħmulin biex jipproteġu l-kollettività fl-interess tal-ġid komuni.”
Bil-wegħdiet fiergħa u azzjoni ta’ xejn, il-Gvern immexxi minn Robert Abela qed jikkonferma atroċitajiet fl-iżvilupp, jippromwovi l-kultura ta’ sanzjonar u jagħti jedd lil min abbuża biex igawdi l-frott tal-għemil abbużiv tiegħu billi jħallas xi penali jew piena finanzjarja.
Is-soluzzjoni għal dawn il-ħniżrijiet fl-ippjanar u attroċitajiet ambjentali hi bidla fit-tmexxija tal-pajjiż, tmexxija li tparla ħafna anqas u taġixxi ħafna aktar u li ma tirrikorrix għal tibdiliet nofs kedda li jwaslu biss għal sistema burokratika li taġevola lil min hu b’saħħtu u tkisser lid-dgħajjef.
Il-Partit Nazzjonalista sostna li se jkompli jagħmel dak kollu possibbli biex il-poplu jkun jista’ jiġġieled is-sistemi u policies passatur u inġusti billi jagħmel l-ambjent dritt fundamentali tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.
Jenħtieġu deċiżjonijiet serji, trasparenti, konsistenti, li jnislu fiduċja u li jagħtu s-serħan tal-moħħ fil-ħin.
Għalhekk, filwaqt li jkompli l-proċess ta’ djalogu u konsultazzjoni biex ifassal pjan strateġiku ħolistiku għall-ambjent u l-iżvilupp, il-Partit Nazzjonalista jwiegħed li, sa mill-ewwel ġurnata fit-tmexxija tal-pajjiż, jimplimenta proċess ta’ ‘re-engineering’ komplet tal-Awtorità tal-Ippjanar biex din tkun ġusta, soda u indipendenti mill-politiċi u mill-ispekulaturi u jniedi r-riforma radikali tant meħtieġa biex l-ambjent ma jibqax ikun dak li jifdal wara l-iżvilupp.
//= $special ?>