Lokali

Bernard Grech jingħaqad mat-talba tal-familja Ghirxi għal ftuħ ta’ Inkjesta Indipendenti

Il-Partit Nazzjonalista qed jingħaqad mat-talba tal-familja ta’ Nicolette Ghirxi sabiex issir Inkjesta Indipendenti ħalli jiġi stabbilit x’seta’ jsir aktar mill-Istat sabiex il-qtil ta’ din il-mara seta’ jiġi evitat.

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech permezz ta’ messaġġ fuq il-midja soċjali hekk kif insista li ma jistax ikun li tintilef ħajja oħra…u l-familja tiġi mċaħħda minn kull verità.

Huwa saħaq li l-verità toħroġ biss jekk issir Inkjesta Indipendenti u sussegwentament, b’serjetà u impenn sħiħ – jiġi implimentat it-tibdil kollu propost.

Bernard Grech insista li hemm bżonn li l-affarijiet jiġu assigurati li jsiru kif meħtieġ u li persuni oħrajn ikunu protetti qabel ma jkun tard wisq.

Dan wara li l-Avukat ta’ Nicolette Ghirxi, Joseph Borda, saħaq li l-familja tal-vittma talbet biex issir Inkjesta Indipendenti għaliex hekk biss tista’ toħroġ il-verità kollha.

L-Avukat Borda appella wkoll lill-Prim Ministru Robert Abela u lill-Ministru tal-Intern Byron Camilleri biex jiftħu Inkjesta simili bħal Inkjesta li nfetħet dwar il-qtil ta’ Bernice Cassar f’Novembru 2022. Hekk kif l-għan ta’ dik l-Inkjesta kien li jkun determinat jekk kienx hemm xi nuqqasijiet mill-Awtoritajiet.

Il-każ ta’ Nicolette Ghirxi xxokja pajjiż sħiħ, speċjalment wara li sar magħruf li hi kienet irrappurtat lill-Pulizija li l-eks sieħeb tagħha kien ġie lura Malta mill-Irlanda – iżda dwar dan, il-Kummissarju ma kien għamel xejn, għaliex stqarr li dan il-każ kien meqjus bħala low risk.