‘Bouncer’ Serb ta’ 30 sena ma nstabx ħati mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech li wettaq negliġenza u li weġġa’ gravi persuni oħra b’rabta mal-inċident tad-diskoteka PlusOne, f’Paceville, fl-2015. L-inċident kien seħħ meta nqala’ argument fid-diskoteka fejn mijiet ta’ żgħażagħ, uħud minnhom taħt l-età, ipprovaw joħorġu f’daqqa.
Minħabba dan, għexieren ta’ persuni weġġgħu meta l-ħġieġ tat-taraġ inkiser u bdew jaqgħu l-persuni minn fuqu. Kien irriżulta li d-diskoteka kien jiflaħ madwar 200 persuna iżda dakinhar tal-inċident, kien hemm aktar minn 400. L-inċident kien seħħ fil-15 ta’ Novembru ta’ disa’ snin ilu.
F’dan l-inċident, kienu weġġgħu madwar 70 persuna u wħud minnhom kienu anke fil-periklu tal-mewt. Sena wara l-inċident, 23 persuna kienu tressqu l-Qorti fosthom l-imprenditur Hugo Chetcuti, żewġ bartenders u persuni oħra.
Wieħed mill-akkużat kien Bojan Spasic li ġie akkużat li aġixxa b’mod negliġenti, li weġġa’ persuni gravi, li pejjep f’post ristrett u ħadem bħala bouncer mingħajr ma kellu liċenzja. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti qalet li Spasic kien ħadem tajjeb dakinhar tal-inċident u ġab is-saħħa ta’ ħaddieħor qabel tiegħu stess.
Filwaqt li ma nstabx ħati tal-ewwel żewġ akkużi, hu nstab ħati tal-bqija tal-akkużi. Hu ġie mmultat €1,200 li jridu jitħallsu fi żmien sena u dan li għamilha ta’ gwardjan privat meta ma kellux liċenzja u li pejjep f’post pubbliku.
L-inċident
Jirriżulta li l-każ beda meta kien hemm diżgwid bejn żagħżugħ ta’ 17-il sena u barranin li ma kienx identifikat fil-Plus One. Il-Malti Zach Latif ta’ 18-il sena, intervjena fil-ġlieda billi sprejja pepper spray fid-direzzjoni tal-barrani. Il-pepper spray inxtered mal-post kollu u l-effetti bdew jinħassu mill-persuni li kienu fil-post.
Għalhekk uħud minn dawk li kienu ġewwa ddeċidew li joħorġu mill-post l-akkużat u Bojan Spaci nduna li kien hemm persuni li kien qed iħosshom ħażin u għalhekk beda jkeċċi lin-nies ’il barra mill-bieb li jagħti għat-triq.
Il-persuni kollha fil-Plus One bdew jipprovaw joħorġu ‘l barra b’mod diżordinat u l-maġġoranza pprovaw joħorġu mill-istess bieb li jagħti għat-triq. Dan wassal għal iffullar fit-taraġ u stat ta’ paniku bin-nies jitgerbu fuq xulxin u jaqgħu.
Fil-parti t’isfel akkumulat massa ta’ nies. Jirriżulta li kien hemm nuqqas ta’ komunikazzjoni bejn l-uffiċjali tas-sigurtà ta’ Plus One. Il-pressjoni fit-taraġ wasslet biex infaqa’ l-poġġamann u numru ta’ nies spiċċaw waqgħu għal isfel.
L-inkjesta stabbiliet li s-Soċjetà li tmexxi l-Plus One hi t-Three Sixty Ltd u li l-MTA ħarġet il-liċenzja għal disco u nightclub fl-2003 lil Carlos Schembri f’isem Hugo Cast and Co Ltd u mhux lis-Soċjetà Three Sixty Ltd. Fl-2004 Three Sixty Ltd ikkummissjonat saftey audit ta’ Plus One iżda ma jririżultax li saret analiżi oħra dwar ir-riskju mnn dakinhar.
L-inkjesta kkonkludiet li fil-Plus One hemm diversi bibien iżda l-ebda wieħed minnhom ma jidher li jilħaq l-istandards biex jikkwalifikaw bħala bibien ta’ emerġenza. Skont l-esperti l-Plus One għandu kapaċità ta’ madwar 200 persuna iżda fil-ħin tal-inċident kien hemm mill-inqas 450 persuna.
Il-poġġaman u l-ħġieġ u l-mod kif dawn twaħħlu ma kienx sikur u adegwat. Plus One kellu ħruġ effettiv ta’ emerġenza wieħed biss li kien il-bieb ta’ barra. L-ammont ta’ kimika li Latif sprejja kienet il-fattur prinċipali li ħolqot rassa kbira.
Jirriżulta li kien hemm mill-inqas 34 persuna taħt is-17-il sena u li l-maġġoranza tagħhom daħlu mingħajr ma ħadd waqqafhom jew talabhom l-ID Card. Jirriżulta wkoll li żgħażagħ taħt is-17-il sena ikkunsmaw alkoħol mibjugħ lilhom mill-Plus One stess. Kien hemm diversi persuni li kienu qed ipejpju, inkluż Bojan Spasic.
Jirriżulta li wħud mill-persuni li kienu xogħol fil-Plus One ma kinux reġitrati bħala impjegati tat-Three Sixty Ltd mal-ETC. Spasic ma kienx reġistrat bħala impjegat tas-soċjetà Executive Security Servces mal-ETC. Mhux il-persuni kollha li jaħdmu bħala uffiċjali tas-sigurtà u impjegati mat-Three Sixty Ltd għandhom liċenzja biex jaħdmu bħala gwardjani privati. Spasic m’għandux din il-liċenzja. It-Three Sixty Ltd ma tagħti l-ebda taħriġ lill-persuni li jaħdmu fi Plus One f’materji ta’ saħħa u sigurtà.
L-inkjesta stabbiliet numru ta’ akkużi, fosthom li l-akkwist illegal ta’ pepper spray, il-feriti ħfief fuq il-pesuni li sofrew mill-pepper spray, il-feriti gravi fuq il-persuni li weġġgħu, in-nuqqas ta’ ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà. Dan flimkien man-nuqqas ta’ evalwazzjoni xierqa, suffiċjenti u sistematika tal-periklu għas-saħħa u s-sigurtà, in-nuqqas ta’ tħaris ta’ regolamenti dwar ir-rotot ta’ emerġenza u n-nuqqas ta’ tħaris tal-istandards dwar projbizzjoni ta’ aċċess lill-minuri.
L-inkjesta stabbiliet ukoll ksur tar-regoli taż-żamma u t-tmexxija ta’ stabbiliment li jipprovdi l-ikel, trasferiment ta’ liċenzja mingħajr il-permess bil-miktub tal-MTA, bejgħ ta’ alkoħol lil minuri taħt is-17-il sena u konsum ta’ alkaħol minn minuri.
L-inkjesta sabet ukoll li persuni taħt is-17-il sena tħallew jidħlu f’post ta’ divertiment, sar bejgħ ta’ sigaretti permezz ta’ magna awtomatika meta l-makna ma kinitx taħt superviżjoni, sar tipjib f’post magħluq, ġie permess tipjib f’post magħluq, ma saritx notifika lill-ETC dwar persuni impjegati u li x-xogħol ta’ gwardjani privati ma sarx minn persuni b’liċenzja awtorizzata.
//= $special ?>