Sabiex tfakkar il-160 anniversarju tagħha, is-Soċjetà Mużikali Santa Katarina V.M., b’ kolloborazjoni ma’ Dj Tenishia, ser tkun qed torganizza Chasing Sunsets Anthem Orchestra b’risq l-għaqda filantropika Smiling with Jerome, nhar il-Ġimgħa, 23 ta’ Awwissu fi Triq Pietru Pawl Saydon, iż-Żurrieq.
Il-post magħżul għal dan il-kunċert kien wieħed strateġiku. F’din it-triq, bil-faċċata tal-Knisja Arċipretali ta’ Santa Katarina V.M. sservi ta’ sfond, flimkien mal-armar rikk li jkun armat għall-festa Titulari li ser tkun qed tiġi ċċelebrata matul il-ġimgħa ta’ wara. Dan il-kunċert mhux biss se jferraħ lid-dilettanti tal-mużika ta’ kull żmien u gosti, iżda wkoll se jiċċelebra u jippromwovi l-kultura fil-festa Maltija.
Waqt dan il-kunċert il-Banda Santa Katarina V.M. , Dj Tenishia u mużiċisti fuq instrumenti tal-korda, flimkien ma’ diversi kantanti popolari fosthom Glen Vella, Victoria Sciberras u Nicole Frendo ser ikunu qegħdin joħolqu spettaklu ta’ mużika uniku. Barra minn hekk, waħda mill-aktar bands rinomati Maltin ‘Red Electric’ se tkun qed tiftaħ il-kunċert.
Din il-varjetà fil-mużiċisti u kantanti bla dubju se tkun qed tagħti togħma differenti u oriġinali lix-xena tal-mużika lokali li wieħed mhux ta’ min jitlef.
Dan kollu jibda fit-20:00 u d-dħul se jkun b’xejn filwaqt li d-donazzjonijiet se jinġabru mal-bieb għal Fondazzjoni Smiling with Jerome.
//= $special ?>