Lokali

Il-kariga ta’ George Gregory mhijiex tenibbli

George Gregory, li ntgħażel direttament minn Robert Abela bħala l-Kap Eżekuttiv ta’ Malta Enterprise, m’għandux jibqa’ jokkupa din il-kariga wara li sar magħruf li kien involut bi kbir fil-proġett tal-Vitals, li hu l-akbar frodi li qatt ra pajjiżna.

Dan kien il-messaġġ li ħareġ minn konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mix-Shadow Ministers Adrian Delia u Jerome Caruana Cilia, fid-dawl tal-fatt li l-gazzetta Il-Mument żvelat fost oħrajn kif George Gregory kien involut fl-istrategic assessment for development, li kellu jassigura li l-Maltin u l-Għawdxin ikollhom l-aqwa aċċess għas-saħħa.

Il-kelliema fakkru kif il-kumpanija Vitals kienet għadha kif ġiet irreġistrata, mingħajr esperjenza fis-settur tas-saħħa. Barra minn hekk, il-gazzetta żvelat ukoll kif Gregory ipparteċipa bħala Konsulent fil-kumitat ta’ evalwazzjoni li kellu l-obbligu jindika n-nuqqasijiet, iżda li spiċċa jaqbel li Vitals kienet l-aqwa kumpanija għar-rwol. Dan minkejja li Gregory kellu wkoll l-aċċess għall-kontijiet ta’ Vitals, iżda ma nnutax li l-kumpanija kellha tagħti €80 miljun f’VAT. Fakkru wkoll kif ma kien hemm l-ebda ‘due diligence’ fuq l- ‘Ultimate Beneficial Owner’ (UBO) tal-Vitals, b’dawk involuti lanqas biss ħarsu lejn is-sorsi tal-finanzi.

Minkejja dan kollu, u minkejja d-dubji li tqajmu wkoll minn Critical Angle Project, Robert Abela u Silvio Schembri b’xi mod iddeċidew li George Gregory kien l-aqwa għażla bħala Kap Eżekuttiv ta’ Malta Enterprise bl-iskop li Robert Abela jkompli jilgħab ‘musical chairs’.

Min-naħa l-oħra, il-Partit Nazzjonalista jrid il-ġid komuni għall-poplu kollu, fost l-oħrajn billi jara li ma jkunx hawn cheap labour u li pajjiżna jkun aktar attraenti għall-investiment barrani. Irid ukoll jiżgura li n-nies jingħataw dak li ħaqqhom b’meritokrazija u integrità, minflok ma jingħataw il-karigi li dawk li huma qrib il-Gvern u b’rekord ta’ falliment.