Aktar minn tletin sena ta’ ħidma jmexxi l-Malta Aviation Society – il-moħħ wara t-twaqqif tal-Airshow Internazzjonali ta’ Malta. Dan huwa Joe Ciliberti, li tkellem ma’ Net News ftit jiem biss wara li ngħata r-rikonoxximent Lifetime Achievement Award waqt il-MaviO Awards – organizzazzjoni li ta’ kull sena tippremja lil dawk li b’xi mod jew ieħor ħallew impatt fuq dan is-settur.
Lura fl-1993 Joe Ciliberti, bl-għajnuna ta’ Gvern Nazzjonalista, kien waqqaf għall-ewwel darba l-Airshow f’Malta bil-wirja dak iż-żmien tittella’ f’Marsamxett bejn il-25 u s-26 ta’ Settembru.
Ma’ dan l-istazzjon, Ciliberti jispjega li qatt ma kellu f’moħħu li tali avveniment se jkun daqshekk għal qalb il-Maltin u l-Għawdxin… anke sena wara oħra.
Huwa qal li tali avveniment ġab miegħu numru ta’ sfidi u sena wara oħra, anke grazzi għall-avvanz tal-pajjiż, għeleb numru ta’ biżgħat li forsi f’dak il-perjodu kien hemm min kien kemxejn xettiku dwarhom.
Joe Ciliberti huwa persuna li għandu għal qalbu l-fotografija tal-avjazzjoni.
U għaldaqstant huwa wassal parir għal dawk kollha li s-sena d-dieħla se jkunu qed jattendu għall-Airshow, partikolarment minn fejn għandhom jiġbdu r-ritratti għall-ifjen riżultat.
Iżda f’karriera twila f’dan il-qasam ta’ aktar minn 30 sena, ma setgħux jonqsu xi inċidenti ħelwin – fost oħrajn wieħed li potenzjalment kien se jwassal għal inċident diplomatiku mal-Libja waqt Airshow partikolari… fejn wara żmien twil jipprova jġibhom għall-wirja aeronawtika, inqalgħu l-intoppi.
Joe Ciliberti irringrazzja lil MaviO tar-rikonoxximent li tawh u stqarr li qatt ma stenna xi ħaġa bħal din; tant hu hekk li għal din l-edizzjoni huwa stess kien innomina lil ħaddieħor.
//= $special ?>