L-iskwadri għall-emerġenza, fosthom membri tal-Vigili di Fuoco, qed ikomplu t-tfittxija għal sitt persuni rappurtati nieqsa waqt l-għarqa, nhar it-Tnejn, ta’ jott lussuż ‘il hinn minn Sqallija.
Il-‘Bayesian’ – twil mas-56 metru u li kien qed iġorr 22 persuna, 12 minnhom passiġġiera – inqered fost elementi tat-temp rari u meta ma kienx wisq ‘il bogħod mill-kosta. Il-fattur li kkontribwixxa għat-traġedja kienet tromba kbira u għall-għarrieda – jew, f’dan il-każ ‘garigori’ għoljin ta’ fwar u arja li telgħu dak il-ħin mill-baħar b’qawwa straordinarja.
Ir-rapporti qalu li l-jott, fil-fatt, kien ankrat ftit ‘il barra mill-port fil-villaġġ ta’ Porticello, lejn il-Lvant ta’ Palermo, f’ħin meta z-zona ntlaqtet minn tempesta kbira. L-elementi tat-tempesta tant kienu feroċi li l-arblu ewlieni tal-jott, magħmul mill-aluminju, inqasam min-nofs u bil-jott jinqaleb u jegħreq ‘fi kwistjoni ta’ ftit minuti’.
Il-fdaljiet tal-jott, wara, kienu identifikati f’xi 50 metru fond ta’ baħar u l-bugħaddasa li niżlu fil-qigħ ma rnexxilhomx jidħlu fil-kabini minħabba l-ammont kbir ta’ għamara (ta’ fuq il-jott) li kienet qed timblokka l-aċċess. Dan ukoll meta l-bugħaddasa setgħu jdumu biss għaxar minuti f’dak il-fond ta’ baħar qabel il-ħtieġa li jitilgħu lura fil-wiċċ.
Sadanittant, il-midja internazzjonali qed titkellem kontinwament dwar it-traġedja, kif ukoll dwar is-sitt persuni nieqsa – ilkoll imprendituri sinjuruni u protagonisti magħrufin fl-oqsma rispettivi.
Fost in-neqsin hemm Jonathan Bloomer, iċ-Chairman tal-grupp Morgan Stanley International u martu ; Mike Lynch, is-sid tas-super-jott u sinjurun fis-settur tat-teknoloġija flimkien ma’ Neda Morvillo, disinjatur famuż tal-ġojjellerija u rinomata fid-dinja tal-moda.
Ħmistax fost it-22 abbord salvaw b’ħajjithom waqt li fl-aħħar sigħat instab il-katavru ta’ persuna li, skont is-sorsi viċin il-Gwardjani tal-Kosta Taljana, kien il-kok ta’ fuq il-jott.
Il-websajt tal-aħbarijiet tal-gazzetta Taljana il Giornale qal li wħud fost il-bugħaddasa involuti fit-tfittxija għas-sitta, kienu anki taw sehem fl-impenji ta’ search and rescue, snin ilu, fuq il-cruise liner Costa Concordia. Dan il-bastiment, f’Jannar tal-2012, kien għereq parzjalment wara li laqat skoll ‘il hinn mill-kosta ta’ Toscana u fejn kienu mietu 33 persuna.
Fil-fatt, l-uffiċjali tal-Gwardjani tal-Kosta Taljani u l-iskwadri tal-Vigili di Fuoco qablu li x-xenarju ‘l hinn minn Sqallija hu simili għal tal-Costa Concordia, għalkemm fuq skala pjuttost iżgħar.
Sadanittant, James Catfield, il-Kaptan tal-Bayesian, fl-ewwel kummenti wara t-traġedja, qal li qatt f’ħajtu ma ra fenomenu naturali ta’ dan it-tip li wassal għall-qerda tas-super-jott. Catfield, li kien salvat fis-sigħat sussegwenti wara l-iżbroff tal-waterspouts, fisser li hu u l-membri tal-ekwipaġġ ‘qatt ma bassru li ħaġa bħal din kellha sseħħ, wisq anqas kienu lesti għaliha’.
//= $special ?>