Lokali

L-istatut tal-Labour spiċċa qisu biċċa lastiku – Frans Ghirxi

“Statut li spiċċa qisu biċċa lastiku – tiġġebbed, tintelaq u terġa’ tiġġebbed”.

Hekk sostna l-eks editur tal-gazzetta ‘L-Orizzont’ Frans Ghirxi f’artiklu li kiteb huwa stess fil-gazzetta ‘it-Torċa’ tal-Ħadd li għadda, fejn stqarr li l-istatut tal-Partit Laburista qiegħed jiġi mibdul skont il-ħtieġa tal-ġurnata, u mhux jitqies bħala mudell ta’ kif il-Partit tal-Labour għandu jitmexxa.

Frans Ghirxi insista li ma qabilx ma kif saru l-affarjiet, għaliex skont hu kollox sar bl-għaġla sabiex perusna jew oħra tibbenefika minn din l-emenda. Bħala veteran fil-Partit Laburista, hu insista din id-deċiżjoni kellhom ikollhom vuċi fiha anke t-tesserati tal-Partit, jekk verament hemm l-interessi tal-Partit fin-nofs.

Hu tkellem ukoll fuq il-fatt li għalkemm jidher li hemm min hu interresat għall-karigi ta’ Deputati Mexxejja hemm dawk li huma iktar preveleġġati u mbuttati minn klikek varji. Dan b’referenza diretta għad-dgħufijja tat-tmexxija ta’ Robert Abela, fejn tilef il-kontroll tal-Partit tiegħu stess; b’fazzjonijiet fi ħdan il-Labour spiċċaw jaħdmu kontra xulxin u jimbuttaw ‘il quddiem l-isem ta’ min iridu huma fit-tmexxija.

Frans Ghirxi reġa’ kwota dak li kien sostna f’Lulju fl-istess gazzetta. Interessanti l-fatt li f’dik il-kitba tiegħu tax-xahar li għadda, l-eks editur tal-Orizzont kien tkellem mil-lenti ta’ Laburist muġugħ, għall-fatt li hemm min fil-Labour li rema lill-Laburist ġenwin.

Hu sostna wkoll li kien hemm saħansitra min ma ġeddidx it-tessera jew bagħatha lura, u l-Partit Laburista m’għamel assolutament xejn.

Intant, it-tellieqa għall-karigi fil-Labour – għalkemm diġà bdiet – se tiftaħ uffiċjalment nhar il-Ġimgħa li ġej, meta jibdew jintlaqgħu n-nomini tal-kandidati rispettivi; fejn kollox qed jindika li l-klikka ta’ Joseph Muscat se tieħu kontroll mill-ġdid tal-istrutturi interni.