Lokali

Il-Malta Women’s Lobby jitlob għal responsabbiltà u azzjoni immedjata rigward il-vjolenza fuq in-nisa

Il-Malta Women’s Lobby ħarġet stqarrija fejn talbet b’urġenza għar-responsabbiltà u l-azzjoni immedjata wara l-femmiċidju riċenti ta’ Nicolette Ghirxi. Il-Lobby esprimiet frustrazzjoni kbira għall-fatt li minkejja l-wegħdiet u l-miżuri li suppost ġew implimentati wara l-każ ta’ Bernice Cassar, nisa għadhom qed jitilfu ħajjithom.

L-istqarrija tikkundanna bil-qawwa l-attitudni ta’ dawk responsabbli għall-protezzjoni tan-nisa, speċjalment f’każijiet fejn min hu f’riskju qed jiġi vittimizzat jew injorat. Il-Lobby staqsa wkoll għaliex l-awtoritajiet naqsu milli jieħdu azzjoni kontra l-aggressur ta’ Nicolette, minkejja li kien magħruf mill-Pulizija għal snin u kien meqjus bħala theddida nazzjonali.

Il-Malta Women’s Lobby għamel ukoll appell biex l-awtoritajiet juru impenn ġenwin lejn il-protezzjoni tan-nisa, mhux biss permezz ta’ statistika, iżda b’azzjoni konkreta li tipprevjeni aktar traġedji. Fl-aħħar nett, il-Lobby isostni li hemm bżonn ta’ investigazzjoni indipendenti biex jiġu identifikati n-nuqqasijiet li wasslu għal dan il-femmiċidju, u sabiex ikun assigurat li n-nisa f’Malta jkunu verament siguri.