L-ewwel logħba tat-360 Sports Malta Premier ipproduċiet minn kollox. Sitt gowls, tliet penalties, hat trick u aktar. Jekk dan huwa dak li ser naraw matul dan l-istaġun huwa awgurju tajjeb. Il-protagonisti kienu Balzan u Birkirkara, żewġ timijiet rivali li qasmu sitt gowls bejniethom u ħadu punt kull wieħed. It-tnejn li huma għaddew minn tibdil kbir matul is-sajf li għadda fejn bidlu l-kowċis flimkien ma’ numru kbir ta’ players. Il-logħba kienet waħda bilanċjata fejn kienu l-Istripes li bdew tajjeb iżda aktar ma’ għadda ħin aktar bdew jidhru Balzan. Fil-fatt kienu huma li mbagħad bdew jikkontrollaw il-logħba bit-tim immexxi minn De Angelis jiġri warajhom. Finalment riżultat ta’ draw kien l-aktar wieħed ġust meta tqis dak li offrew iż-żewġ naħat.
Il-plejers ta’ Balzan jiċċelebraw gowl fl-ewwel partita tal-kampjonat (Ritratt: Catriel Farrugia)
Draw ieħor ta’ 3-3 din id-darba bejn Floriana u t-tim promoss ta’ Melita. Dawn tal-aħħar skurjaw fil-ħin miżjud biex ħadu punt minn fuq Floriana fir-ritorn tagħhom mal-kbar wara nuqqas ta’ tnax-il sena. Fil-fatt it-tim immexxi minn Clive Mizzi ħasad mhux ftit lill-avversarji ferm aktar ikkwotati hekk kif fetaħ vantaġġ doppju. Iżda Floriana, issa taħt il-gwida ta’ Darren Abdilla, l-ewwel naqsu d-distakk qabel tmiem l-ewwel taqsima biex imbagħad irnexxielhom jdawru r-rizultat favur tagħhom b’żewġ gowls fit-tieni ħamsa u erbgħin minuta. Meta kollox kien qed jindika li huma ser jieħdu l-ewwel tliet punti tal-istaġun, kien il-captian Jean Pierre Attard li skorja fil-ħin miżjud biex salva l-logħba għat-tim tiegħu fost id-diżappunt tal-players ta’ Floriana.
Il-plejers Mattia Veselji u Fernando De Aruajo jirbħu lura l-pussess għal Floriana (Ritratt: Catriel Farrugia)
Sliema rnexxilhom jieħdu l-ewwel tliet punti tal-istaġun u dan wara li huma għelbu lil Mosta bl-iskor ta’ 2-0. U dan meta wieħed iqis ukoll li l-Blues lagħbu kważi taqsima sħiħa bi player inqas, Wara staġun pożittiv fir-ritorn tagħhom fil-Kampjonat Premier, Sliema daħlu għal din l-ewwel partita’ bl-objettiv li jkomplu jibnu fuq l-istaġun li għadda fejn huma rebħu l-FA Trophy u spiċċaw fit-tielet post tal-klassifika. Mosta kellhom staġun diffiċli fejn salvaw posthom fil-Premier Malti fl-aħħar ġurnata. Sliema bdew tajjeb fejn l-ewwel ħamsa u erbgħin minuta kienu prattikament iddominati minnhom. Biex it-tim immexxi minn Paul Zammit wara li beda t-tieni taqsima fuq nota negattiva bit-tkeċċija ta’ Acheampong, xorta waħda skorja għal darba tnejn biex kiseb l-ewwel tliet punti f’dan il-kampjonat.
Steve Pisani ta’ Sliema u Joao Teixeira ta’ Mosta jissieltu għall-ballun (Ritratt: Catriel Farrugia)
Hibernians dawru telfa f’rebħa wara li huma għelbu lil Naxxar Lions bl-iskor ta’ 2-1. Il-Lions kienu aħjar fl-ewwel taqsima fejn huma ħadu l-vantaġġ minn penalty. Hibernians kisbu l-gowl tad-draw mill-ħdax-il metru wkoll. Fit-tieni taqsima t-tim Pawlist irkupra ħafna fejn kiseb ukoll il-gowl tar-rebħa u t-tliet punti. Bħalma huwa l-każ ta’ ħafna timijiet, kemm Naxxar kif ukoll Hibernians kellhom numru ta’ players ġodda qed jagħmlu d-debutt tagħhom. Ovvjament dan it-tibdil kollu fil-bidu tal-istaġun ħafna drabi jfisser li tim irid jingħata ftit ċans sakemm naraw l-aħjar mill-players tiegħu, b’mod partikolari dawk li jkunu totalment ġodda għall-futbol Malti. Hibernians b’hekk bdew bil-pożittiv fejn dawn iridu li jpattu għad-diżappunt tas-sena li għaddiet wara kampjonat xejn feliċi.
Bidu tajjeb ukoll għal Ħamrun Spartans li kif kien mistenni kisbu rebħa u tilet punti kontra Żabbar St Patrick. Minkejja r-rebħa, il-logħba r-riżultat bħala waħda diffiċli fejn wara li l-Ispartans ħadu l-vantaġġ lejn tmiem l-ewwel taqsima, Żabbar bdew iżidu l-pressjoni fit-tieni ħamsa u erbgħin minuta sakemm kisbu l-gowl tad-draw. Iżda r-reazzjoni tal-Ispartans kienet waħda immedjata biex skurjaw żewġ gowls oħra li finalment bihom kisbu rebħa komda. It-tim immexxi minn Zinnari kien sfortunat li tilef lil Steve Borg wara biss 13-il minuta, iżda Sven Xerri qeda dmiru b’awtorità u dan jawgura tajjeb għall-futur. U punt ieħor importanti huwa dak li l-Ispartans jidher li baqgħu jbatu minnu, is-saħħa fl-attakk. Għall-pussess li huma jkollhom matul partita qegħdin isibu diffiċli fl-aħħar terz. Mill-banda l-oħra wirja li timla lil Żabbar St Patrick b’kuraġġ għal-logħbiet li jmiss.
Il-plejer ta’ Ħamrun Mayron jaqbeż għall-ballun fl-arja (Ritratt: Jospeh Galea)
Kellu jkun gowl skurjat tard fil-partita biex ta rebħa u tliet punti lil Gżira United fl-ewwel impenn tagħhom tal-istaġun kontra Marsaxlokk. Kienet rebħa kontra wieħed mit-timijiet revelazzjoni tas-sena li għaddiet, tim li saħansitra kiseb post fl-Ewropa. Wirja tajba mill-Maroons immexxija minn Andrew Cohen li minkejja numru kbir ta’ bidliet li għamlu mill-istaġun li għadda xorta waħda kellhom prestazzjoni tajba. Wieħed stenna aktar minn Marsaxlokk speċjalment wara l-wirjiet tajbin tagħhom fl-Ewropa. Verament li għadu kmieni u ħafna drabi l-ewwel logħba taf tkun diffiċli għal kull tim, imma li huwa żgur li jidher li hemm bilanċ bejn it-timijiet li qed jiffurmaw it-360 Sports Malta Premier. Staġun li minkejja l-kontroversji li nqalgħu jidher li għandu jkun wieħed interessanti.
Marcelo Dias jippressa d-difiża ta’ Marsaxlokk fir-rebħa ta’ Gżira (Ritratt: Catriel Farrugia)
//= $special ?>