Ekonomija Lokali

Tiżdied marġinalment ir-rata tal-għoli tal-ħajja

FʼLulju, ir-rata annwali tal-għoli tal-ħajja kif imkejla mill-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur kienet taʼ 2.3 fil-mija; li jfisser żieda mir-rata taʼ 2.2 fil-mija rreġistrata x-xahar taʼ qabel.

Skont l-NSO, l-akbar kontribuzzjoni għall-inflazzjoni annwali ġiet mill-Indiċi tar-Restoranti u Lukandi (+0.77 punti perċentwali), l-aktar minħabba prezzijiet ogħla tas-servizzi tar-restoranti.

It-tieni u t-tielet l-akbar kontribuzzjonijiet għall-għoli tal-ħajja kienu nnotati fl-Indiċi tal-Ikel u x-Xorb mhux Alkoħoliku (+0.71 punti perċentwali) u fl-Indiċi tal-Prodotti u Servizzi Varji(+0.34 punti perċentwali), l-aktar minħabba prezzijiet ogħla tal-frott u prodotti tal-iġjene personali, rispettivament.

Fl-istess jum li ħarġu dawn iċ-ċifri, il-Eurostat ikkonferma li pajjiżi bħall-Italja, l-Irlanda u s-Slovenja għandhom rata tal-għoli tal-ħajja ferm inqas minn Malta. Anke l-Latvija, il-Fillandja, il-Litwanja u l-Iżvezja għandhom prezzijiet orħos minn ta’ pajjiżna.

Skont l-NSO, il-livell tal-għoli tal-ħajja f’Malta baqa’ ħames xhur fl-istess ilma – li jfisser li s-suppost skema li ħoloq il-Gvern ftit li xejn ħalliet effetti b’mod prattiku fix-xirja tal-familji Maltin u Għawdxin.