Ukren ta’ 29 sena tilef ħajtu wara li sab ruħu f’diffikultà waqt li kien qiegħed jgħum f’Għawdex.
L-inċident seħħ għall-ħabta tas-1.30pm fil-bajja tad-Dwejra, li tinsab fil-limiti ta’ San Lawrenz.
Il-Pulizija marru mill-ewwel fil-post fejn xi persuni li kienu fl-istess zona indikaw fejn intlemaħ l-aħħar iż-żagħżugħ. Huwa mifhum li f’dak il-ħin, ir-riħ kien qed jaqbel sew fiz-zona tad-Dwejra – bis-saħħa tar-riħ tlaħħaq Forza 5.
Minnufih intalbet l-assistenza tal-membri tal-Protezzjoni Ċivili u tal-Forzi Armati ta’ Malta li bdew bit-tfittxijiet. U wara madwar tliet sigħat intlemaħ katavru fil-baħar fejn ittella’ u ddaħħal l-art fil-Port tal-Imġarr.
Fil-post ġie kkonfermat li l-katavru kien tal-istess żagħżugħ.
Il-Maġistrat Simone Grech ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta.
Il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet fuq il-każ.
//= $special ?>